Sport

Wembley Stadium : Malta titlef 2 – 0 kontra l-Ingilterra

Quddiem mijiet ta’ partitarji Maltin, f’Wembley Stadium it-tim nazzjonali Malti illejla sofra telfa ta’ 2-0 kontra l-Ingilterra f’logħba valida mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Iż-żewġ gowls tal-Ingliżi waslu fl-ewwel taqisma u t-tim Malti qatt ma offra l-ebda reżistenza u għal ħafna ħin mill-partita iddefenda fil-kaxxa tiegħu stess. Dan kien ir-raba konfront bejn l-Ingilterra u Malta.

L-Ingliżi mal-ewwel ħarġu fuq l-offensiva u fit-tmien minuta kellu jkun Hogg li għamel save mill-aqwa fuq tentattiv ta’ Wayne Rooney. L-avversarji tal-Maltin komplew jippressaw u kien fid-29 minuta meta dawn fetħu l-iskor. Jordan Henderson tefa cross lejn plejer ieħor ta’ Liverpool, Daniel Sturridge li bir-ras sab ix-xibka għal 1-0.

Ma kien hemm l-ebda reazzjoni tal-Maltin u fit-38 minuta l-Ingilterra skurjaw it-tieni gowl u din id-darba kien Dele Alli li għeleb lil Hogg minn rebound wara li l-istess goalkeeper kien salvalu xutt.

Fit-tieni taqsima l-andament tal-logħba baqa’ l-istess imma l-Ingliżi tilfu diversi ċansijiet ta’ skor biex b’hekk sat-tmiem, l-iskor baqa’ dak ta’ 2-0. L-Ingilterra għandom punti massimi f’din il-fażi wara żewġ partiti filwaqt li Malta għadhom mingħajr l-ebda punt.

L-impenn li jmiss għal Malta hu fil-11 ta’ Ottubru kontra l-Litwanja filwaqt li l-Ingliżi, fl-istess jum jilagħbu barra minn darhom kontra s-Slovenja.

Malta u l-Ingilterra jerġgħu jiltaqgħu fl-1 ta’ Settembru tas-sena li ġejja, din id-darba f’Ta’ Qali.