Waqt li dalghodu kien qed jitkellem f’laqgha politika fil-kazin tal-Partit Nazzjonalista f’Hal-Luqa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostnali t-tanker tal-gass hu simbolu ta’ dak kollu li hemm ħażin fil-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Huwa simbolu tal-gideb, tal-qerq u tal-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern. Huwa monument tal-korruzzjoni. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista mhux se jaċċetta li minħabba l-korruzzjoni nispiċċaw b’riskji bħal dawn. Huwa għalhekk li fil-jiem il-ġejjin, aħna se nagħtu vuċi lir-residenti ta’ Marsaxlokk u ta’ Birżebbuġa u lill-poplu Malti u Għawdxi li kull ma jridu huwa li jgħixu b’moħħhom mistrieħ u mhux bir-riskji.
Wasal il-monument tal-korruzzjoni
Simon Busuttil qal li Muscat għandu l-aħħar ċans biex ma jpoġġix is-sigurtà tal-poplu Malti f’riskju. Hu qal li wasalna s’hawn għaliex l-akbar wegħda li għamel Joseph Muscat – li jibni power station f’sentejn biex iraħħas il-kontijiet – kienet ukoll l-akbar gibda tiegħu. “Mhux talli kienet gibda, talli maż-żmien l-ewwel gibda tħawwdet u saret kobba: kobba ta’ gideb, qerq u korruzzjoni. U l-kobba li daħal fiha se twasslu biex b’suppervja, b’pika u b’ras iebsa, joħloq riskju gravi fuq is-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi,” qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għas-sitwazzjoni llum qabel ma tibda taħdem il-PowerStation il-ġdida ta’ Muscat:
• Hemm il-PowerStation ta’ Delimara tal-BWSC li investa fiha l-Partit Nazzjonalista u li bdiet taħdem f’Diċembru 2012. Din mill-ewwel bdiet tiffranka l-flus għax hija aktar effiċjenti u naqqset it-tniġġiż b’20%.
• Hemm l-interconnector li investa fih ukoll il-Partit Nazzjonalista u li beda jaħdem is-sena li għaddiet. Dan mill-ewwel beda jifrankalna aktar flus u ovvjament waqqa’ t-tniġġiż b’mod drammatiku. Din il-ġimgħa l-NSO ħabbar li bejn l-interconnector u l-BWSC it-tniġġiż tal-arja tnaqqas bi kważi 60%.
• Il-prezz internazzjonali taż-żejt waqa’ b’żewġ terzi fuq il-prezzijiet li kien qabel.
Simon Busuttil qal li meta wieħed iqis li għandu l-interconnector, il-BWSC u l-prezz baxx taż-żejt, wieħed jista’ jasal biss għal din il-konklużjoni:
1. Li r-roħs ta’ 25% li ta Joseph Muscat kien roħs li ma ħadimx għalih hu imma li ħdimna għalih aħna.
2. Li r-roħs jista’ faċilment ikun akbar, ferm akbar, minn 25%, ukoll grazzi għall-powerstation tal-BWSC, l-interconnector u l-prezz taż-żejt.
3. Li għandna biżżejjed ġenerazzjoni tal-elettriku u m’għandniex bżonn Power Station oħra, la għall-elettriku u lanqas biex innaqqsu l-kontijiet.
4. Li għanda elettriku aktar nadif għax it-tniġġiż naqqasnieh b’60%.
Allura jibdew iqumu l-mistoqsijiet, fosthom:
• Għaliex baqa’ għaddej jibni PowerStation meta għandna biżżejjed ġenerazzjoni ta’ elettriku?
• Għaliex Joseph Muscat baqa’ għaddej jibni PowerStation meta r-roħs jista’ jiġi minn dak li bnejna aħna?
• Għaliex ftiehem qabel l-elezzjoni ma’ min se jibni l-PowerStation?
• Għaliex intrabat li jixtri l-elettriku mill-Electrogas bi prezz ta’ 9ċ6 kull unit meta mill-interconnector jista’ jixtrieh anki b’6ċ u anke bi 3ċ jew anqas?
• Għaliex intrabat li jixtri mill-Electrogas għal 18-il sena sħaħ?
• Għaliex intrabat li jixtri mill-Electrogas l-elettriku kollu li tipproduċi anke jekk m’għandux bżonnu u anke jekk ikun irħas mill-interconnector?
• Għaliex dawn id-deċiżjonijet kollha li ma jagħmlux sens?
• U fuq kollox, għaliex dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu minn Ministru li nqabad b’kumpanija sigrieta fil-Panama biex ipoġġi l-commissions fiha?
Ir-risposta tista’ biss tkun waħda: għax it-tanker tal-gass huwa monument tal-korruzzjoni, qal Simon Busuttil. Hu qal li hu għalhekk li fid-diskors tal-baġit tas-sena li għaddiet, kien intrabat li Gvern immexxi minnu se jixtri l-elettriku minn fejn ikun l-irħas u jekk ikun irħas mill-interconnector, minn hemm se jixtrih.
L-akbar problema hija r-riskju fuq is-sigurta’ tan-nies
“Minkejja li dan kollu ma jagħmilx sens, minkejja li issa huwa ċar daqs il-kristall li d-deċiżjoni li jibni PowerStation ġdida kienet deċiżjoni ħażina, il-Prim Ministru baqa’ jwebbes rasu u bil-pika tiegħu issa se jdaħħal tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk u jankrah hemm għal 18-il sena sħaħ,” qal Simon Busuttil. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-riskji li tankra tanker tal-gass ta’ dak il-kobor f’port żgħir u bieżel bħalma huwa Marsaxlokk huma enormi u jistgħu jikkaġunaw konsegwenzi inkalkolabbli. Per eżempju:
• Għaliex ma ġie ppubblikat l-ebda rapport, l-ebda studju biex iserħulna rasna li m’hemm l-ebda riskji?
• X’jiġri jekk ikun hemm maltempata li tħabbat it-tanker mal-blat?
• X’jiġri jekk ma jkunx ankrat sew?
• X’jiġri jekk ikun hemm vapur fil-Freeport li ma jkunx jista’ jdur fil-wisa’ minħabba t-tanker?
• X’jiġri jekk ikun hemm ħabta bejn vapur tal-containers u t-tanker tal-gass?
• X’jiġri jekk ikun hemm leak tal-gass?
• X’jiġri jekk ikun hemm inċident ieħor, bħal spluzjoni?
• X’miżuri ttieħdu għal każi ta’ emerġenza?
• Se jkun hemm biżżejjed fire engines stazzjonati ħdejn it-tanker?
• Se jkun hemm fire engine tug boats ħdejn it-tanker?
• U fuq kollox, la hemm dawn ir-riskji kollha, għaliex se jibqgħu għaddejjin?
Dawn huma riskji li kulħadd jista jimmaġinahom mingħajr studji, qal Simon Busuttil, filwaqt li kompla li dawn huma riskji issa anke fuq il-ħajja tan-nies. “Trid tkun irresponsabbli biex, bħala Prim Ministru, taċċetta riskji, żgħar kemm huma żgħar, kbar kemm huma kbar, fuq il-ħajja tan-nies,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil qal li l-ġurnalisti ma setgħux jistaqsu lill-Prim Ministru dwar dawn ir-riskji għax darba telaq minn press conference bla ma ħa mistoqsijiet u l-għada ħarab lill-ġurnalisti billi għadda mill-emergency exit.
Hu rrefera wkoll għal dak li qal il-Ministru Konrad Mizzi jiġifieri li nistgħu inserrħu rasna għax m’hemmx riskji. “Jekk xi ħadd gideb fuq il-kumpanija sigrieta li kellu fil-Panama, kif nistgħu nemmnuh fuq jekk it-tanker hux safe?” staqsa Simon Busuttil. Hu għamilha ċara li la darba dawn jafu bir-riskji li hemm u se jwebbsu rashom, jekk alla ħares qatt jinqala’ xi ħaġa, il-poplu Malti se jżommhom personalment responsabbli.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li biex jiddevjaw l-attenjoni, dawk ta’ Kastilja jinsabu f’paniku u qed jistaqsu: issa kif se nagħmlu biex flok fuq it-tanker tal-gass in-nies jitkellmu fuq xi haġa oħra? X’se nivvintaw? X’devjazzjoni se nagħmlu biex indawwru l-attenzjoni fuq xi ħaġa oħra?
1. L-ewwel se jivvintaw xi ħaġa dwar xi ħadd mill-Oppożizzjoni biex mingħalihom joħolqu skandlu dwarna, kif fil-fatt għamlu llum dwar Beppe Fenech Adami – allegazzjonijiet li Beppe ċaħad kategorikament mill-ewwel u li jekk xejn, il-mistqosija tqum, għaliex il-Gvern m’għamel xejn fi tliet snin u nofs.
2. Biex jiddevjaw l-attenzjoni, fil-baġit ta’ bħal għada ġimgħa, se jħabbru roħs ieħor fil-kontijiet tal-dawl u l-ilma biex in-nies jassoċjaw it-tanker mar-roħs, meta dan huwa qerq, għax ir-roħs imissu ilu li tah u mhux ħallieh għal meta jasal it-tanker. Jiena ngħidlu, iva, raħħas il-kontjiet. Imissek ilek li raħħasthom. Imma tipprovax tiftaħar b’rix ħaddieħor. Ir-roħs mhux grazzi għat-tanker. Ir-roħs ġej grazzi għall-politika tal-Partit Nazzjonalista. Il-Prim Ministru qisu pagun falz! Il-pagun għall-anqas jiftaħar b’rixu, imma int trid tiftaħar b’rix ħaddieħor!
91 proposta biex nirnexxu lkoll flimkien
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Simon Busuttil irrefera wkoll għall-91 proposta li l-Partit Nazzjonalista għamel għall-budget tas-sena d-dieħla. Hu fakkar li dan hu l-ħames dokument tal-Partit Nazzjonalista kollu proposti, minkejja li jinsab fl-Oppożizzjoni. Hu spjega li l-Partit Nazzjonalista qed joffri Gvern alternattiv b’ruħ soċjali, li jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar u li jnaddaf il-politika darba għal dejjem.
//= $special ?>