Il-Gazzetta ‘il-mument’ illum rrapurtat li l-Gvern Malti, immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat, qiegħed jirrikonoxxi lil Elhabib M.A. Amin bħala x-Charge d’Affaires tal-Gvern Libjan minkejja li għandu korrispondenzi ripetuti uffiċjali mill-Gvern Libjan biex dan ma jibqax isir minħabba li x-Charge d’Affaires maħtur għal Malta minnhom hu Hussein S.E. Musrati.
Invista ta’ numru ta’ korrispondenzi uffiċjali li kisbet il-mument, minn diversi awtoritajiet Libjani li lkoll jaqblu li Hussein S.E.Musrati hu maħtur bħala r-Rappreżentant Uffiċjali Diplomatiku tal-Libja għal Malta, il-Gvern Malti qiegħed ikompli jiċħad din it-talba uffiċjali u minflok jirrikonoxxi lil Habib al-Amin li ma għandu l-ebda poter f’isem l-awtoritajiet Libjani ġewwa Malta anzi qed jgħidu li dan għandu jirritorna għax-xogħol preċedenti li kellu qabel fil-Libja.
Bil-barka ta’ Kastilja jirriżulta li Elhabib M.A. Amin għadu jinsisti li hu x-Charge d’Affaires għal Malta u dan hu rikonoxxut biss mill-Gvern Malti kif juri s-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti – l-isem ta’ Elhabib M.A. Amin hu indikat bħala x-Charge d’Affaires Libjan għal Malta.
Ritratt : Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru George Vella jinjoraw it-talbiet tal-Gvern leġittimu Libjan u jtennu l-appoġġ tagħhom lil Elhabib Amin kif juri s-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti
Dokumenti mingħand l-awtoritajiet Libjani lill-Gvern Malti
‘il-mument’ tkellmet ma’ Ivan Grech Mintoff, il-Kap tal-Partit Alleanza Bidla, li fisser wara l-aħħar programm ‘Exodus’ fejn kien tkellem il-whistleblower Khalid Ibrahim al-Nasan, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħareġ stqarrija uffiċjali fejn wissa’ lill-Oppożizzjoni biex ma jagħtix widen tal-iskandlu li Ivan Grech Mintoff kien qiegħed iqajjem dwar il-ħruġ ta’ visas mediċi lil persuni Libjani u bir-riżultat li terzi persuni kienu allegatament involuti f’dan l-iskandlu.
Fl-istqarrija, il-Prim Ministru kien irrefera wkoll għar-relazzjonijiet tajbin ħafna mal-Gvern Libjan, kif ukoll li ma kien hemm l-ebda korrispondenza uffiċjali bejn il-Gvern Libjan u l-Gvern Malti dwar dan l-iskandlu.
Ivan Grech Mintoff spjega li kien ħareġ dokument fejn Ministru Libjan kien talab lil Neville Gafa bħala l-persuna li kien qed jikkoordina l-ħruġ tal-visas lil-Libjani, biex jiġi Malta flimkien ma’ delegazzjoni Libjana ħalli jiddiskutu direttament mal-awtoritajiet Maltin dak li kien għaddej dwar din il-kwistjoni. Din it-talba ta’ dan il-Ministru Libjan ma kentix milqugħa.
Sadattant wara din l-istqarrija tal-Prim Ministru, Ivan Grech Mintoff beda jirċievi diversi korrispondenzi uffiċjali li l-Gvern Libjan kien bagħat direttament lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lil George Vella bħala l-Ministru tal-Affarijiet Barranin bl-iskop li jkun żviluppi ġodda fil-kwistjoni dwar il-ħruġ tal-visas lil persuni Libjani.
Dawn id-dokumenti uffiċjali juru li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru George Vella kellhom korrispondenza mal-Gvern Libjan minkejja ċ-ċaħda uffiċjali tal-Prim Ministru, u li peress li l-Gvern Malti mhux talli ma aċċettax ix-xewqa tal-ogħla awtoritajiet Libjani, imma talli ħadem kontra x-xewqat tagħhom u rrikonoxxa persuna bħala r-rappreżentant uffiċjali tal-Libjan għal Malta minkejja li l-awtoritajiet Libjani kienu għamluha ċara b’mod ripetut u uffiċjali li lil din il-pesuna huma ma reduhiex li jkollha l-ebda awtorità f’isem il-Gvern Libjan.
Ivan Grech Mintoff fisser ma’ il-mument li l-Gvern Malti qiegħed direttament jindaħal f’affarijiet interni tal-Gvern Libjan meta mhux iħalli tkun implimentata x-xewqa tal-istess Gvern Libjan, qed jinjora l-proċess diplomatiku internazzjonali, inkluż li jinjora Noti Verbali tal-Gvern Libjan u atteġjament li hu jmur kontra kull protokoll diplomatiku mistenni minn gvern serju u li jiftaħar li hu demokratiku u li qed jonqos milli jgħid il-verità meta jirriżulta li hemm kuntatt b’għadd ta’ korrispondenzi uffiċjali li l-Gvern Malti qiegħed bl-aktar mod sottili jaħbihom.
Ritratt: E-mail (lemin) mill-President tal-Parlament Libjan mibgħuta lill-Prim Ministru Joseph Muscat iħeġġu lill-Gvern Malti jibda proċeduri biex jaħdem mar-rappreżentant diplomatiku Libjan Hussein Musrati
Korrispondenza biex tkun solvuta l-kwistjoni tax-Charge d’Affaires
Mill-programm ‘Exodus’ li ħareġ ilbieraħ filgħodu u li se jkun ripetut illejla fuq l-istazzjon F-Living fid-9.30 p.m., li l-Gvern Malti sa minn sentejn ilu kellu korrispondeza uffiċjali mill-Gvern Libjan biex tkun risolta l-kwistjoni tax-Charge d’Affaires. Dan ifisser li din il-korrispondenza tmur lura għal żmien meta l-iskandlu tal-ħruġ tal-visas kien fl-eqqel tiegħu.
Ivan Grech Mintoff kompla li dan kollu juri bl-aktar mod ċar li kuntrarjament għal dak li pprova jgħid il-Prim Ministru Joseph Muscat, mhux veru li hemm relazzjonijiet tajbin bejn Malta u l-Libja. Dan joħroġ mill-fatt li anki fil-programm Ivan Grech Mintoff għadda messaġġ lill-Prim Ministru tramite l-Gvern Libjan, biex minnufih jaħtar lil Hussein S.E. Musrati bħala r-Rappreżentant Uffiċjali tal-Libja għal Malta.
Waħda mill-ittri miktuba mill-Viċi President tal-Kunsill Presidenzjali Libjan maħtur min-Nazzjonijiet Uniti, fiha jingħad li l-Gvern Malti għandu jaċċetta t-talba tal-awtoritajiet Libjani dwar il-persuna maħtura uffiċjalment f’isem il-Gvern Libjan bħala x-Charge d’Affaires għal Malta.
F’din l-ittra, bil-lingwa Ingliża, jingħad ċar u tond li l-Gvern Malti ma għandux jibqa’ jinsisti li jirrikonoxxi lil Elhabib M.A. Amin fil-kariga ta’ Charge d’Affaires. Imma li b’mod immedjat jibda jirrikonoxxi u jappoġġja lil Hussein S.E. Musrati fil-kariga tiegħu f’isem il-Gvern Libjan.
Dan l-istess Viċi President Libjan kiteb ukoll lill-Gvern Malti biex hu jintlaqa’ uffiċjalment f’pajjiża għal żjara uffiċjali fejn fiha jkollu taħditiet mal-ogħla uffiċjali tal-Gvern Malti. Din it-talba sa llum għadha ma ntalqgħetx.
Qed jeħżienu r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja
Ivan Grech Mintoff kompla li la fil-verità r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja qegħdin jeħżienu, u dan minkejja xi stqarrijiet uffiċjali tal-Gvern li jippruvaw jagħtu stampa differenti, hu jibqa’ jistieden kemm lill-Gvern kif ukoll lill-Oppożizzjoni biex flimkien kollha kemm aħna niltaqgħu madwar il-medja ħalli tinstab it-triq ‘il quddiem li fiha jkunu risolti dawn il-kwistjonijiet u minflok tibqa’ ssir il-ħsara lil isem pajjiżna u lill-poplu Malti, isir l-almu biex ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jerġgħu jittejbu fl-interess taż-żewġ popli u dan anki invista ta’ isem Malta fix-xena internazzjonali.
//= $special ?>