Lokali

It-tanker tal-gass jasal fl-ibħra Maltin – għada jidħol f’Marsaxlokk

Aġġornata : Il-Ħadd 9 ta’ Ottubru 13:45

Skont il-kumpanija Electrogas, fi stqarrija qalet li t-tanker tal-gass Armada LNG Meditarrana wasal fl-ibħra territorjali Maltin, u issa jmiss li t-tanker kmieni għada filgħodu jidħol fil-bajja ta’ Maraxlokk.

Il-kumpanija Electrogas qalet li t-tanker, li bħalissa għadu vojt, se jidħol f’xi ħin fil-bajja ta’ Marsaxlokk fejn mistenni jsiru xi provi u mbagħad mistenni jerġa’ joħroġ minn Marsaxlokk għal iktar testijiet fil-jiem ta’ wara. Dawn it-testijiet qed ikunu koordinati minn Electrogas, Bumi Armada u l-Awtoritajiet tal-Port.

It-tanker tlesta wara xogħol ta’ konverżjoni għal vapur tal-ħażna fejn se jkun sorġut b’mod permanenti fil-bajja ta’ Marsaxlokk. It-tanker jesa’ 125,000 metru kubu ta’ LNG.

Fl-1 ta’ Awwissu, il-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff ta’ Muscat Keith Schembri, marru Singapore biex suppost jassistu għal ċerimonja tal-vapur isalpa mit-Tarzna ta’ Keppel. Fir-realta’, il-vapur salpa iktar minn xahar wara.

It-tanker hu parti ċentrali tal-wegħda ewlenija tal-Partit Laburista fil-Gvern li jibni Power Station ġdida li suppost kellha tibda taħdem iktar minn sena u nofs ilu, jiġifieri f’Marzu tal-2015. Wara li deher ċar li dak iż-żmien mhux se jintlaħaq, il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-power station se tibda taħdem f’Ġunju ta’ din is-sena. Meta anki dan id-deadline ma ntlaħaqx, kemm Muscat, kif ukoll Mizzi kienu vagi dwar data ta’ meta tibda taħdem il-power station u bdew isemmu biss fl-aħħar tas-Sajf. Il-Ħarifa issa hi magħna u l-wasla tat-tanker fis-sigħat li ġejjin mhux se tfisser li l-power station se tibda taħdem. Dan hekk kif għad fadal jiem ta’ testijiet, kemm fuq it-tanker kif ukoll fuq il-power station innifisha.

Reazzjoni Partit Nazzjonalista : Ebda propoganda mhi se tgħatti r-riskji li se jġib miegħu l-monument tal-korruzzjoni

Hekk kif it-tanker tal-gass se jkun qed jidħol f’Malta fis-siegħat li ġejjin, il-Gvern għaddej b’kampanja qarrieqa ta’ propoganda biex jiprova jgħatti mill-poplu Malti u Għawdxi ir-riskji kbar li se jġb it-tanker tal-gass fuq is-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi, speċjalment tal-familji u n-negozji ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk.

Fi stqarrija ftit tal-ħin ilu, ġie kkonfermat li t-tanker tal-gass se jidħol f’pajjiżna għada l-Ħadd. Dan ifisser li minkejja l-appelli kollha, Muscat se jibqa’ jwebbes rasu u jpoġġi lill-familji u n-negozji ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk f’periklu kbir. It-tanker tal-gass fih daqs tliet grawnds tal-futbol u se jkun qed jaħżen 140,000 metru kubu ta’ gass. It-tanker se jidħol f’pajjiżna minkejja li l-Gvern qatt ma ppubblika xejn dwar ir-riskji tas-sigurtà, u qed jitratta lill-poplu ta’ mazzun li jrid joqgħod biss fuq il-kelma ta’ Muscat.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-poplu Malti u Għawdxi biex ma jħallix lill-Gvern jingannah bil-propoganda qarrieqa, kollha gideb u ntiża biss biex tgħatti l-verità. Anke f’dan il-każ, l-istazzjon nazzjonali – nkluż il-Kamra tal-Aħbarijiet tiegħu – qed jintuża bħala għodda partiġġjana tal-Gvern. Tant hu hekk li s-sit tal-istazzjon nazzjonali ppubblika l-istqarrija li ħarġet ftit tal-ħin ilu, ferm qabel mal-istqarrija ntbagħtet lill-kmamar tal-aħbarijiet l-oħra, kif ukoll il-fatt li għat-tnedija tat-tanker f’Singapore, Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi ħadu magħhom biss lill-PBS. Dan biex jassiguraw li l-poplu Malti u Għawdxi jkun infurmat biss b’dak li jridu huma, u mhux bil-verità.