Lokali

L-OPM iħejji għal laqgħa bejn Muscat u Putin – s’issa kollox miżmum mistur

Rapport : Joe Mikallef

Il-Gazzetta ‘il-mument’ illum żvelat li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja qed jaħdem biex jiffinalizza d-dettalji ta’ laqgħa li se ssir f’Novembru li ġej bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-President Russu Vladimir Putin.

Mhux magħruf x’se jkun l-iskop ta’ din il-laqgħa bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-President Russu li se tkun qed issir ftit ġimgħat qabel ma Malta tieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.

Dawk f’Kastilja qed jagħtu importanza kbira lil din il-laqgħa u matulha l-Prim Ministru jidher li se jkun akkumpanjat minn ftit persuni tal-fiduċja tiegħu.

S’issa Kastilja ma ħabbret assolutament xejn dwar din il-laqgħa u żammet kollox sigriet. Iżda f’dawn il-jiem lil hinn minn Kastilja bdew ikunu involuti wkoll xi Ministeri oħrajn, fosthom il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin minfejn iridu jsiru l-arranġamenti għall-ħruġ tal-visa.
L-Ambaxxatur preżenti ta’ Malta għar-Russja hu t-Tabib Carmel Brincat, eks-Kandidat tal-Partit Laburista.

Ftit tax-xhur ilu biss kien iffirmat Memorandum of Understanding bejn Malta u r-Russja biex tissaħħaħ il-koperazzjoni fil-qasam tas-saħħa u x-xjenza medika. Il-ftehim kien iffirmat f’Moska bejn il-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi u l-Ministru għas-Saħħa Russa, Veronika Skvortsova.

Bħala parti mill-MOU kien intlaħaq qbil li jitwaqqaf grupp konġunt ta’ ħidma biex jimplimenta inzjattivi bil-kollaborazzjoni taż-żewġ pajjiżi u bl-iskop li jagħmel minn Malta ċentru mediku reġjonali.

Fi stqarrija uffiċjali kien ingħad li filwaqt li huwa intiż biex jgħin fl-iżvilupp ta’ pjattaformi ta’ skambju t’għarfien bejn it-tobba Maltin u Russi, l-MOU jiffoka fuq il-koperazzjoni fuq daqqiet u ħruq, l-ortopedija, il-kardjoloġija u r-rijabilitazzjoni medika.