Parlament

Il-Gvern m’għandux jipprivatizza s-saħħa mentali – Ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg appellat lill-Gvern biex ma jipprivatizzax is-settur tas-saħħa mentali u wissiet li jekk il-gvern għamel ftehim minn wara dahar il-Parlament, l-Oppożizzjoni ma kinitx se tirrikonoxxih.

Meta kienet qed titkellem fil-Parlament fil-ħin tal-Aġġornament, Claudette Buttigieg tkellmet dwar il-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabbiltà u qalet li l-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex jagħti widen għal dak li qed isostnu l-għaqdiet li jirrappreżentaw lill-pazjenti, lill-qraba u lill-professjonisti. Dan biex tibda sseħħ ir-riforma possibbli fis-saħħa mentali.

Dan l-appell sar ukoll mill-President tar-Repubblika u anki l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali. Il-proposti li ppreżantat l-Alleanza għas-Saħħa Mentali għandhom ikunu l-qafas tar-riforma biex il-pajjiż jilħaq il-livelli minimi rikjesti.

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa qalet li hi ħasra li l-Gvern injora lis-settur u ħallih jaqa’ fil-livelli li jinsab fih illum u mhux jimxi mal-ispirtu tal-liġi tas-saħħa mentali. Dan meta kien hemm kunsens wiesa’ fuq din il-liġi.

Claudette Buttigieg qalet li l-Oppożizzjoni qed toġġezzjona għall-privatizzazzjoni tas-saħħa mentali u sostniet li l-aktar pazjenti bi problemi huma dawk li għandhom problemi ta’ saħħa mentali għaliex dawn huma nies vulnerabbli ħafna.

Elenkat id-diversi proposti tal-Allenaza għas-Saħħa Mentali u qalet li hemm aktar minn 13,000 persuna li qed jużaw is-servizz tas-saħħa mentali.

L-Alleanza qed tipproponi li l-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali għandhom ikunu fiċ-ċentru tas-servizzi, qed tinistsi fuq it-taħriġ u r-riżorsi għal min jaħdem f’dan is-serviziz fil-komunità, li tkun modernizzata l-infrastruttura fejn il-pajjiż għandu bżonn sptar iżgħar minn Monte Carmeli. Dan għandu jkun imiss ma’ Mater Dei.

Fl-2015 madwar, elfejn iddaħħlu f’Monte Carmeli li damu madwar 15-il ġurnata għall-kura. Kienu 400 biss li daħlu b’mod volontarju.
Claudette Buttigieg qalet li r-riforma tista’ tibda issa fejn bi prijorità għandha tkun eliminata l-istigma f’Monte Carmeli. Hi sostniet li m’hemmx differenza bejn pazjent ta’ ksur u pazjent b’saħħa mentali.

Claudette Buttigieg semmiet il-crisis intervention unit u qalet li dawn huma servizzi li jiġu fid-djar biex jikkalmaw lill-persuni li jkollhom il-ħtieġa ta’ azzjoni immedjata. Dawn il-persuni m’għandhomx jittieħdu f’Monte Carmeli iżda għandhom jittieħdu Mater Dei.

Sellmet lill-għaqdiet li ssieħbu fl-Allenaza għas-Saħħa Mentali u qalet li ma’ dawn qed jingħaqdu iktar għaqdiet biex dawn jiġbdu ħabel wieħed. Ma jistax ikun li l-gvern jittratta lis-settur tas-saħħa mentali bħala cindirella tas-saħħa.

Claudette Buttigieg qalet li hemm ħafna nies li huma mweġġa’ mis-servizz li qed jingħata u kompliet li hi ironija li l-eks-CEO ta’ Monte Carmeli issa sar Deputat Laburista.

Ħafna minn dak li qed isir fil-pajjiż f’dan is-settur huma inaċċettabbli, sostniet ix-Shadow Minister għas-Saħħa, li esprimiet tama li l-gvern m’għamilx ftehim diġà biex is-settur tas-saħħa mentali jkun privatizzat.

Jekk il-Gvern għamel xi ftehim minn wara dahar il-Parlament, l-Oppożizzjoni mhux se taċċetta dan il-ftehim, sostniet Claudette Buttigieg, li appellat lill-gvern biex ma jipprivatizzax is-servizz tas-saħħa mentali.