Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jikteb lill-awtoritajiet dwar it-tanker tal-gass

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, fil-kapaċità tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, qed jitlob lill-awtoritajiet konċernati biex iwaqqfu lit-tanker tal-gass milli jiġi ankrat fil-bajja ta’ Marsxlokk sakemm ir-rapporti kollha jiġu ppubblikati.

F’ittri identiċi liċ-Chairman tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà u liċ-Chairman tal-Aġenzija tal-Ambjent u r-Riżorsi, Simon Busuttil qal li l-awtoritajiet għandhom jieħdu azzjoni immedjata biex b’obbligu u responsabbiltà, iħarsu s-sigurtà tan-nies fin-nuqqas lampanti min-naħa tal-Gvern li jagħmel dan.

“Għandhom jiġu ppubblikati minnufih ir-rapporti kollha marbuta ma’ kull riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku” sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni fl-ittri tiegħu filwaqt li appella li ż-żewġ awtoritajiet iwaqqfu t-tanker tal-gass milli jiġi ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk u lill-entità inkwistjoni milli topera sakemm ikun hemm ċertezza li m’hemm l-ebda riskju għas-saħħa u s-sigurtà tan-nies, tan-negozji, tas-sajjieda u tal-industriji l-oħra fl-inħawi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrefera għad-direttiva Seveso III, li hi parti mil-liġi Maltija, u li titkellem ċar dwar l-obbligi marbuta mal-prevenzjoni ta’ riskji kif ukoll mal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni lill-publiku.

Fost oħrajn, id-Direttiva tagħmilha ċara li l-awtoritajiet għandhom iwaqqfu entità milli topera jekk il-miżuri għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’ inċidenti ma jkunux suffiċjenti. Id-Direttiva tagħmilha ċara wkoll li l-informazzjoni dwar ir-riskji għandha tingħata regolarment lil dawk kollha soġġetti għall-periklu.

It-Tnejn, għall-ewwel darba, daħal fil-bajja ta’ Marsaxlokk it-tanker tal-gass ‘Armada LNG Mediterrana’, tanker b’kapaċità li jaħżen 140,000 metru kubu ta’ gass biex iħaddem il-powerstation il-ġdida.

Il-Gvern sa issa, irrifjuta kull talba li saritlu biex jippubblika r-rapporti kollha li saru dwar ir-riskji li jista’ joħloq dan it-tanker.

“Il-Gvern naqas milli jserraħ ras in-nies dwar il-miżuri li ttieħdu biex jiġi evitat kull riskju possibbli għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom”, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li temm jappella lill-awtoritajiet biex jagħmlu dak li m’għamilx il-Gvern – u jieħdu azzjoni li tħares is-saħħa u s-sigurtà tan-nies.

Aqra: Ittra lill-ERA

Aqra: Ittra lill-OHSA