Lokali

Il-media indipendenti tikkritika d-devjazzjoni ta’ Muscat mill-iskandli tal-aħħar tliet snin

Il-mod kif qed jaġixxi l-Gvern dwar l-iskandli tal-aħħar tlett snin iqanqal suspett li l-Gvern qed jgħatti dawn l-iskandli u min wettaqhom.

Dikjarazzjoni qawwija fl-editorjal tal-ġurnal The Malta Independent, li tirreferi għad-devjazzjoni tal-Gvern Laburista li fl-aħħar jumejn infexx f’attakk fuq il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

“Jekk il-Prim Ministru ħass il-bżonn li jaġixxi dwar allegazzjonijiet f’gazzetta dwar Beppe Fenech Adami, x’qed iżommu milli jappunta inkjesti simili dwar l-iskandli tal-Cafè Premier, ta’ Gaffarena, tal-visas mediċi u l-iskandlu tal-Panama?” isaqsi l-editur ta’ The Malta Independent.

L-editorjal ikompli li kieku kellu jappunta inkjesti b’maġistrati għal dawn l-iskandli kollha, kieku ma jkunx fadal aktar membri tal-ġudikatura x’jappunta.

L-editorjal ta’ The Malta Independent qal li jinnota li l-Gvern ħatar inkjesta bil-ġudikatura sempliċiment fuq rapport wieħed ta’ gazzetta, tal-MaltaToday.

“Huma x’inhuma l-metodi tal-Gvern biex inessi lin-nies mill-iskandli tal-aħħar tlett snin, l-Oppożizzjoni għandha tibqa’ tfakkarhom fl-interess tal-pajjiż” ikompli l-editorjal, li temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern għandu jagħmel ġustizzja u jieħu passi kontra kull min wettaq l-iskandli fl-aħħar tlett snin ta’ Gvern Laburista.