Il-Partit Nazzjonalista jrid joffri l-aqwa Gvern għal pajjiżna, u dan qed jagħmlu billi jippreżenta proposti konkreti dwar temi differenti li kollha jgħollu l-livell tal-kwalità tal-ħajja tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jippreżenta d-dokument ‘Let’s All Succeed… Together’ b’91 proposta lill-imsieħba soċjali membri tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.
Simon Busuttil qal li din hi t-tieni darba li l-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni qed jippubblika l-proposti tiegħu qabel jiġi ppreżentat il-budget. Dawn il-proposti jinkludu wkoll proposti li qed jagħmlu l-imsieħba soċjali. “Teżisti sinerġija kbira bejn dak li qed jgħidu l-imsieħba soċjali u dak li qed tiproponi l-Oppożizzjoni f’dan id-dokument,” qal Simon Busuttil. Dan hu l-ħames dokument bi proposti tal-Partit Nazzjonalista: żewġ dokumenti tal-Pre-Budget, id-dokument dwar governanza tajba, dak dwar l-ekonomika kif ukoll dwar proposti li jindirizzaw it-traffiku fl-immedjat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-politika tiegħu dwar l-ekonomija hija mibnija fuq żewġ naħat tal-munita: dik li jinħoloq il-ġid u dik li l-ġid jitqassam b’mod ġust. Id-dokument ppreżentat hu maqsum fi tliet sezzjonijiet: analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna, l-isfidi li flimkien irridu ngħelbu, u l-91 proposta li huma maqsumin f’ħames pakketti differenti.
Simon Busuttil qal li għat-tieni sena konsekuttiva, l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti għal roħs fil-prezzijiet tal-elettriku, u dan biex il-prezz li jħallsu l-familji u n-negozji jkun jirrifletti r-roħs drastiku fil-prezz internazzjonali taż-żejt, kif ukoll permezz tal-interconnector u l-Power Station tal-BWSC. Hu tkellem ukoll dwar il-mistoqsijiet li saru dwar il-ħaddiema tas-settur pubbliku. “Fl-ebda punt u bl-ebda mod m’aħna qed nissuġġerixxi li Gvern ġdid Nazzjonalista jnaqqas il-ħaddiema tal-Gvern,” qal Simon Busuttil, filwaqt li sostna l-politika għaqlija għandha tkun li nerġgħu lura għat-trend li n-numru tan-nies fis-settur pubbliku, gradwalment, jonqos biex tonqos l-ispiża pubbliku. Hu semma wkoll kif dan il-Gvern żied b’mod esaġerat in-nefqa pubbliku b’mijiet ta’ persuni maħtura f’positions of trust f’karigi li huma inutli.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar l-aspett soċjali u qal li l-ġustizzja soċjali twarrbet minn dan il-Gvern, fost l-oħrajn biż-żieda fil-kera lil min jgħix fis-social housing. Hu qal li wasal anke l-mument li naħsbu bis-serjetà għal sistema alternattiva tat-trasport pubbliku. Hu qal li fl-aħħar sena, l-Partit Nazzjonalista studja fid-dettall din l-alternattiva, u qed iħares lejn il-possibilità ta’ tramway jew light railway.
Fl-aħħarnett, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li l-ispiża pubblika żdiedet b’mod esaġerat, hemm nuqqas kbir ta’ kontabilità, responsabbiltà u governanza tajba. Hu qal li jipreferi li flok €4 miljuni jingħataw lill-individwu wieħed għal nofs dar, dawn il-flus jintużaw biex tingħata l-kimoterapija lil dawk li huma morda bil-kanċer.
Wara l-introduzzjoni saret preżentazzjoni tad-dokument mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco. Għal-laqgħa mal-imsieħba soċjali attendew ukoll ix-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech, ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici, x-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg, il-Kelliema għas-Servizzi Finanzjarji, l-IT u l-Gaming Kristy Debono, l-Kelliem tan-Negozji ż-Żgħar, il-Manifattura, l-Kummerċ, is-Self-Employed u l-Koperattivi Robert Arrigo, il-Kelliem għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli, u l-Kelliem tal-Familji u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilità Robert Cutajar.
Ara l-proposti tal-PN f’dan il-link.