Kelliema għat-terroristi tal-ISIS ‘ikkonfermaw’ li membru ewlieni tal-grupp, ikkunsidrat bħala l-Ministru għall-Informazzjoni tal-istess entità qattiela, spiċċa maqtul waqt azzjoni militari li seħħet ix-xahar li għadda.
L-istqarrija inkwistjoni li l-ISIS ħarġu fuq il-midja soċjali, tidher li kkonfermat rapport simili li ħareġ aktar qabel mill-Pentagon tal-Istati Uniti. L-ISIS, fl-istqarrija, sostnew ‘il-martirju’ ta’ Abu Mohammad al-Furqan – magħruf ukoll bħala Wa’il Adil Hasan Salman al-Fayad – u qalu li hu kien ‘emir’ tan-network tal-midja ċentrali tal-grupp.
Intant, it-terroristi ma żvelawx id-dettalji preċiżi dwar il-qtil tal-Ministru għall-Informazzjoni meta ‘d-data eżatta u l-metodu (tal-qtil) għadhom misteru’.
Il-Pentagon, ix-xahar li għadda, qal li al-Fayad, imlaqqam ‘Dr Wa’il’, kien inqatel f’attakk ta’ preċiżjoni fuq inħawi qrib il-belt ta’ Raqqa, fis-Sirja, li sservi bħala l-kapitali tal-Kalifat tal-ISIS. Dan l-attakk kien sar fis-7 ta’ Settembru li għadda.
Abu Mohammad al-Furqan kien jieħu ħsieb il-produzzjoni tal-filmati li juru l-qtil u t-tortura ta’ priġunieri tal-ISIS u l-Istati Uniti rreferiet għalih bħala ‘wieħed mill-aktar kapijiet terroristi influwenti’. Il-Ministru għall-Informazzjoni tal-ISIS – wieħed mill-ftit fundaturi tal-ISIS li kienu għadhom ħajjin – kien anki assoċjat kbir ta’ Abu Mohamed al-Adnani, il-kelliem għall-grupp ISIS, li spiċċa maqtul fl-aħħar ta’ Awwissu.
Mindu l-ISIS, fl-2014, ħabbru t-twaqqif tal-Kalifat fis-Sirja u l-Iraq, it-terroristi kisbu fama għall-mod kif ixandru t-tattiċi makabri tagħhom, bl-online network tal-grupp jiċċirkula filmati ta’ qtil tal-massa u l-qtugħ tal-irjus tal-priġunieri u l-ostaġġi.
//= $special ?>