Il-kandidat tal-Partit Repubblikan Amerikan, Donald Trump, qed ikompli jqanqal il-kontroversja li rrankat wara l-aħħar dibattitu jaħraq li kellu mar-rivali tal-Partit Demokratiku, Hillary Clinton.
Dan meta anqas uffiċjali tal-Partit Repubblikan qed jidhru disposti li jappoġġjaw il-kandidat tagħhom għall-White House, wara li ħarġu fil-beraħ ir-rimarki dispreġjattivi li Trump għamel dwar in-nisa snin ilu u li kienu żvelati fuq video li ġġenera l-għadab fost l-Amerikani.
L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, ir-Repubblikan Paul Ryan, qal li mhux se jiddefendi lil Trump u sostna li aktar ħsiebu biex jaċċerta mill-ammont tas-siġġijiet fil-Kungress Amerikan li hu kkontrollat mir-Repubblikani. Min-naħa tiegħu, Trump bagħat messaġġ lil Ryan fejn qallu biex ‘ma joqgħodx jaħli l-ħin biex jiġġieled miegħu.’
Hillary Clinton, li tidher li żiedet il-vantaġġ fuq Trump, skont l-aħħar stħarriġ popolari, fil-preżent qed tiddibuta s-sinċerità tal-apoloġija minn Trump dwar ir-rimarki tiegħu dwar in-nisa li hu kien għadda xi 11-il sena ilu.
L-indikazzjonijiet mill-kamp Repubblikan huma li wħud mill-membri ewlenin qegħdin, bil-mod il-mod, jaqtgħu qalbhom mill-prospetti ta’ Trump li jirbaħ il-Presidenza tal-Istati Uniti — bit-tellieqa tar-Repubblikani għall-White House tidher li qabdet it-telgħa sew. Tal-anqas 38 Repubblikani ewlenin, fosthom senaturi, membri tal-Kungress u Gvernaturi tal-Istat irtiraw l-appoġġ tagħhom lil Trump mindu l-kontenut tal-imsemmi filmat ħareġ fil-beraħ ftit tal-jiem ilu.
Madankollu, xorta fadal membri importanti tal-Partit li baqgħu jappoġġjaw lil Trump, fosthom iċ-Chairman tal-Kumitat Nazzjonali Repubblikan, Reince Priebus, li qal li ma nbidel xejn b’relazzjoni għall-kampanja tal-Partit Repubblikan għall-White House.
Sadanittant, Mike Pence, li se jikkontesta għall-Viċi Presidenza tal-Istati Uniti għan-nom tal-Partit Repubblikan, qal li se jibqa’ jappoġġja lil Trump minkejja l-agħa dwar ir-rimarki tiegħu.
//= $special ?>