Internazzjonali

Is-Samsung Note 7 irtirat mis-suq u titwaqqaf il-produzzjoni

Kelliema għall-kumpannija Samsung wissiet lill-persuni li xtraw is-smartphones tat-tip Galaxy Note 7 biex jitfugħhom u ma jużawhomx waqt li l-kumpannija qed tinvestiga rapporti ġodda li t-telefons inkwistjoni qegħdin jieħdu n-nar.

Il-kelliema għal Samsung li għandu l-bażi fil-Korea t’Isfel, qalu li se jwaqqfu l-bejgħ u produzzjoni tas-smartphone meta l-kumpanija qed tagħti l-akbar priorità lis-sigurtà tal-klijenti tagħha.

Il-kumpanija Samsung, f’Settembru, kienet irtirat maż-żewġ miljun smartphone tat-tip Galaxy Note 7  wara ilmenti li l-batteriji tagħhom kienu qed jisplodu. Il-kelliema għall-kumpanija, wara, ħadu ħsieb li jibdlu s-smartphones difettużi u ħarġu stqarrija li dawn kienu ħielsa minn kull periklu.

Madankollu, issa qed ifeġġu rapporti ġodda li anki l-aħħar smartphones tal-Galaxy Note 7 li ħarġu fis-suq qegħdin jieħdu n-nar, bil-kumpanija Samsung qed tieħu l-prekawzjonijiet kollha fiċ-ċirkustanzi.