Lokali

Is-Sigurtà tiegħek mhedda bil-Korruzzjoni – Attività Politika u Maratona Ġbir ta’ Fondi nhar il-Ħadd li ġej

Fid-dawl tal-wasla tat-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk ilbieraħ filgħodu, l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza żewġ attivitajiet nhar il-Ħadd li ġej bit-tema ‘Is-Sigurtà tiegħek mhedda bil-Korruzzjoni’.

L-attività politika, li se tkun indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, se ssir fil-Pjazza ta’ Marsaxlokk u tibda fil-11:30. Aktar tard matul il-ġurnata, imbagħad, minn 12:00 ‘il quddiem, fuq Net Television u fuq Radio 101, se ssir maratona ġbir ta’ fondi mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Fid-diskors tiegħu nhar il-Ħadd li għadda f’Ħal Luqa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li t-tanker tal-gass hu simbolu ta’ dak kollu li hemm ħażin fil-Gvern ta’ Joseph Muscat: simbolu tal-gideb, tal-qerq u tal-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern. “Huwa monument tal-korruzzjoni,” qal Simon Busuttil. Hu qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista mhux se jaċċetta li minħabba l-korruzzjoni nispiċċaw b’riskji bħal dawn, u għalhekk se jagħti vuċi lir-residenti ta’ Marsaxlokk u ta’ Birżebbuġa u lill-poplu Malti u Għawdxi li kull ma jridu huwa li jgħixu b’moħħhom mistrieħ u mhux bir-riskji.