BLOGS

It-taxxa tat-traffiku

Meta, jum wara jum, b’regolarità u puntwalità li qed tifni pajjiż sħiħ, jiġġamja t-traffiku u ninqabdu bħal f’morsa fih, ejja niftakru fil-kundanna trippla għal dan il-Gvern fit-traffiku, fit-trasport pubbliku u fit-taxxa li għamel fuq il-petrol u d-diesel għoli infern. Ejja niftakru li l-petrol u d-diesel hu serqa ta’ bejn €10 u €13 f’kull €30 li nagħtu lill-vettura tagħna.
U meta llum kulħadd ra b’għajnejh il-kruha mostruża ta’ monument azzari tal-korruzzjoni żonqrija ta’ Gvern li tilef rasu u għaqlu, fil-bastiment li mill-bieraħ beda jħassar għal dejjem il-ħajja ta’ eluf ta’ nies f’Marsaxlokk u l-madwar, ir-rabja toktor.
Qabelxejn, it-traffiku ġġamjat hu kundanna għall-immaniġġjar tat-traffiku. Ħatriet tal-bażużli li qed ikollhom il-konsegwenza naturali tal-inkompetenza. U min ibati? Inbatu aħna lkoll għax it-traffiku mar għall-agħar bil-bosta.

It-tieni nett, kundanna għat-trasport pubbliku. Il-kumpanija Spanjola li l-Gvern ta’ Muscat taha €430 miljun wara żjara korrotta fi Spanja, żjara korrotta skond ir-regolamenti li ħareġ il-Gvern stess għax saret qabel taha l-kuntratt, tant qed tittratta lix-xufiera ħażin, tant naqqsitilhom il-ħin bejn vjaġġ u ieħor, li kull darba li jeħlu fit-traffiku, spiss jiġifieri, il-vjaġġ li jmiss ma jsirx fil-ħin jew ma jsir xejn. Tiftakru kemm kienu qalu qabel l-elezzjoni li l-kaġun tat-traffiku kienu l-bendy buses tal-Arriva u li kif ineħħuhom it-traffiku kellu jonqos?

It-tielet kundanna għandha tkun għall-prezzijiet esaġerati li qed inħallsu għall-petrol u d-diesel. Mhux biżżejjed li qed naħlu iktar fuel għax imwaħħlin ilkoll fit-traffiku iżda terġa’ u tgħid il-petrol u d-diesel qed iżommhom għaljin apposta biex idaħħal iktar miljuni kull xahar. Fl-interess ta’ min?

Tant kemm huma għaljin li kważi sitt snin ilu, f’Jannar 2011, Muscat kien organizza protesta kontra l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel li dak iż-żmien kienu bħal tal-lum, imma meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien id-doppju tal-lum. Id-doppju tal-lum
Jerġa’ l-prezzijiet tal-fuels f’Malta meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien kif inhu llum, fl-2004, kienu: il-petrol 83 ċenteżmu ta’ ewro u d-d-diesel 66c ta’ ewro meta taqlibhom mil-lira Maltija. Jiġifieri, meta kien hemm l-istess prezz dinji taż-żejt, il-petrol f’Malta kien 44 ċenteżmu orħos fil-litru u d-diesel kien 48 ċenteżmu orħos.

Din hi s-serqa llum li qed ninsterqu kull darba li nagħtu €30 fuel lill-karozza: serqa ta’ €10 f’kull €30 petrol u serqa ta’ €13 f’kull €30 diesel. Dan x’qed jisraq lilna. Għax Joseph Muscat mhux talli ma jħoss xejn minn din is-serqa fil-fuel, talli sal-aħħar tal-leġiżlatura se jkun ta lilu nnifsu €70,000 talli taparsi jsuq il-karozza tiegħu nnifsu.

Issa wara li qrajt dawn il-fatti iswed fuq l-abjad, inżel sa Marsaxlokk u tpaxxa bil-veduta tal-monument tal-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern korrott. U ftakar li dak il-monument għandu hemm mill-inqas 18-il sena. Hekk sew hux?