Lokali

38,400 bott ice tea u 2,400 flixkun Baileys se jinbiegħu mid-Dwana bl-offerta

Id-Dipartiment tad-Dwana ħabbar l-ewwel minn sensiela ta’ bejgħ bl-offerta għal oġġetti li jkunu nqabdu mid-Dipartiment matul is-sena.

L-ewwel bejgħ bl-offerta’ se jsir il-ġimgħa d-dieħla u jinkludi 38, 400 bott ice tea u 2,400 flixkun Baileys li huma maqsuma f’24 lott.

Fil-ġimgħat li ġejjin, id-Dipartiment tad-Dwana mistenni joħroġ għall-bejgħ bl-offerta’ kwantita’ ta’ oġġetti li jvarjaw minn xorb alkoħoliku u xarbiet oħra għal għamara, tazzi, madum, aċċessorji tal-kmamar tal-banju, gvieret, ħwejjeġ u affarijiet oħra.

B’mod regolari d-Dipartiment tad-Dwana jaqbad oġġetti varji li wara l-korsa tal-proċeduri normali, uħud minnhom proċeduri legali, jispiċċaw propjeta’ tal-Gvern ta’ Malta.

Xi oġġetti minn dawn id-Dipartiment tad-Dwana, fuq parir tal-Ministru tal-Finanzi, jiddisponi minnhom billi joffrihom lil istituzzjonijiet tal-karita’. Oħrajn jiddisponi minnhom billi joħrġhom għal bejgħ bl-offerta’.

Wieħed jista’ jara dawn il-lottijiet bejn nhar it-Tnejn 17 ta’ Ottubru u l-Erbgħa 19 ta’ Ottubru fil-ħinijiet tal-uffiċċju fi Newport Bonded Stores il-Marsa. L-Erbgħa 19 ta’ Ottubru 2016, pero, wieħed jista’ jara l-oġġetti sal-10.30am. L-offerti jintlaqgħu sa nhar l-Erbgħa 19 ta’ Ottubru 2016 fl-10.30am.