Lokali

AĠĠORNATA: Membri tal-Protezzjoni Ċivili b’ħidma wara kimika li nstabet fil-Madliena

Membri tal-Protezzjoni Ċivili, b’mod speċjali mis-sezzjoni tal-Hazmat (l-uffiċjali responsabbli f’każi ta’ materjal perikoluż), l-Erbgħa filgħaxija kienu mpenjati f’ħidma biex jeliminaw periklu li possibbilment kien hemm fil-Madliena.

Dan wara li daħal rapport li fi propjetà tad-Dipartiment tas-Saħħa, kien hemm ammont ta’ kontenituri b’kimika li ma kienx magħruf minn fejn ġiet jew x’inhi. Jirriżulta wkoll li minn tal-inqas kontenitur, kien hemm leak ta’ din il-kimika.
 
Fil-post, il-Membri tal-Protezzjoni Ċivili ħadu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji u wkoll għamlu testijiet fil-post biex janalizzaw it-tossiċità tal-kimika u jekk din kinitx perikoluża.
 
Mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li fuq il-kontenituri kien hemm imniżżel li din kienet kimika formalina, jew aħjar kimika li tintuża biex tippreserva l-affarijiet.
 
Għalkemm din mhix kimika daqstant perikoluża, xorta waħda hi tossika, fis-sens li mhux tajjeb li wieħed ikun espost għaliha għal ħin twil, bħalma mhux tajjeb li wieħed ixomm thinner jew xi tip ta’ żebgħa għal ħin twil.
 
Fid-dawl li l-kimika ma kinitx ta’ periklu, skont kif immarkat mill-apparat tal-Protezzjoni Ċivili, l-uffiċjali rtiraw mill-post biex issa jew l-awtoritajiet konċernati jew kumpanija privata oħra jwettqu t-testijiet neċessarji.

Madliena Kimieka Suspettuza-3