Sport Sport Ieħor

Bronż għal William Chetcuti fil-finali Tazza tad-Dinja f’Ruma

It-tiratur Malti William Chetcuti rebaħ il-midalja tal-bronż fit-Tazza tad-Dinja tad-Double Trap organizzata mill-ISSF f’Ruma. L-aqwa tiraturi tad-dinja ltaqgħu f’waħda mill-akbar kompetizzjonijiet ta’ dan l-isport.

Aktar minn seba’ xhur wara li l-istaġun 2016 beda, l-avveniment tax-Shotgun Double Trap ta l-unur fix-Shotgun Range f’Ruma. Kienu biss l-aqwa tiraturi tad-dinja li kisbu l-punti meħtieġa matul l-2016 mill-istadji tat-Tazza tad-Dinja f’Nicosia, Rio de Janeiro, San Marino u Baku, flimkien ma’ dawk li rebħu l-midalji fl-Olimpjadi. Ir-rebbieħ tas-sena l-oħra, Steven Scott ukoll ħa sehem fl-aħħar kompetizzjoni Internazzjonali tax-Shotgun ta’ din is-sena, b’total ta’ 11-il tiratur jirrappreżentaw disa’ nazzjonijiet.

Chetcuti kkwalifika għas-semifinali bi skor ta’ 141/150, skor identiku bħall-Amerikan Jeffrey Holguin, l-Awstralja James Willett u l-Brittaniku Steve Scott. Iċ-Champion Olimpiku Fehaid Aldeehani spiċċa l-ewwel fl-istadju ta’ kwalifikazzjoni bi skor ta’ 143/150 biex flimkien mal-Ġermaniż Andreas Loew li ġab 139/150, kienu s-sitt tiraturi li kkwalifikaw.

Iż-żewġ Ċiniżi Qiang Pan u Junjie Mo flimkien mar-Russu Vasily Mosin u ż-żewġ Taljani Marco Innocenti u Alessandro Chianese kienu kollha eliminati.

Fis-semifinali, Chetcuti beda mit-tielet stazzjon u laqat 27 minn 30 target. Biex jikkwalifika għal logħba tal-midalja tal-bronż u kellu jikkompeti għal shoot-off flimkien ma’ Fehaid Aldeehani u Steven Scott li spiċċaw bl-istess skorer. Chetcuti laqat l-ewwel par filwaqt li l-isfidanti tiegħu fallew target kull wieħed.

Min-naħa l-oħra, Jeffrey Holguin, James Willett u Andreas Loew kollha laqtu 28 minn 30 taget biex marru għal shoot-off bl-ewwel tnejn jgħaddu għal logħba tal-midalja tad-deheb u l-atleta l-ieħor jikkwalifika għal bronż. Minn dawn it-tlieta, kien il-Ġermaniż li kellu jikkompeti ma’ Chetcuti għall-aħħar post fuq il-podium.

Fil-logħba għal midalja tal-bronż, William Chetcuti għeleb lil Andreas Loew bi skor ta’ 29/30 kontra l-24/30 tal-Ġermaniż. Ir-rebbieħ fil-finali kien l-Awstraljan James Willett hekk kif għeleb lill-Amerikan Holguin. Il-kalendarju tal-ISSF għas-sena d-dieħla, jibda fi Frar bit-Tazza tad-Dinja f’New Delhi, l-Indja.