Lokali

Caroline Muscat se tmexxi l-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista

Caroline Muscat se tkun qed tmexxi l-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista fil-kariga ta’ Campaign Director.

Hi rriżenjat mill-kariga li għandha bħalissa ta’ News Editor tat-Times of Malta u se tkun qed tirriżenja wkoll minn Viċi President tal-Istitut talĠurnalisti Maltin.

“S’issa kont evitajt li nkun b’xi mod involuta fil-politika minħabba x-xogħol tiegħi fil-ġurnaliżmu, imma dak li qed nara jiġri madwari wassalni biex nieħu pożizzjoni. Ma baqagħli l-ebda dubju li dan il-Gvern hu mifni bil-korruzzjoni u għalhekk qed nitlaq mill-karriera ġurnalistika tiegħi biex nagħmel din il-ħidma ġdida,” qalet Caroline Muscat.

“Il-ħabi u n-nuqqas gravi ta’ informazzjoni, li saru t-timbru ta’ dan il-Gvern, mhux qed iħallu lill-ġurnalisti jwettqu x-xogħol tagħhom. Dan qed jagħmel ħsara lill-pajjiż u qed jhedded id-demokrazija,”

Qabel il-ġurnaliżmu, Caroline Muscat ħadmet f’kampanji oħra, kemm f’Malta kif ukoll barra, għal aktar minn 20 sena. Hi kienet il-ġurnalista li kixfet l-iskandlu ta’ Gaffarena, fost oħrajn. “Dan liskandlu wrieni kemm lesti jaslu n-nies qrib dan il-Gvern biex jinqdew huma. Dan la kien l-ewwel u lanqas l-aħħar skandlu li jheżżeż lil dan il-Gvern,” spjegat Caroline Muscat.

“Iddeċidejt li naċċetta din il-ħidma għax nemmen li Simon Busuttil jista’ jmexxi lill-Partit Nazzjonalista biex jifforma Gvern alternattiv b’saħħtu li jpoġġi l-interess nazzjonali l-ewwel”, qalet id-Direttur il-ġdida tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

Caroline għandha Masters fil-Komunikazzjoni tal-Massa, li kisbitu b’distinzjoni. Hi r-rebbieħa l-aktar riċenti tal-Premju għall-Aħbarijiet Nazzjonali kif ukoll tal-Premju għall-Ġurnaliżmu Ambjentali. Hi rebħet ukoll żewġ premjijiet tal-Kummissjoni Ewropea għax-xogħol tagħha fuq iddrittijiet tal-bniedem.

“L-ewwel ħaġa, se ngħaqqad tim li jkun iffukat li jisma’ l-bżonnijiet, it-tħassib u x-xewqat tan-nies u mbagħad li ngħidu kif il-Partit Nazzjonalista se jġib il-bidla li dan il-pajjiż tant għandu bżonn,” temmet tgħid id-Direttur il-ġdida tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista Caroline Muscat.