“Id-Dipartiment tal-Artijiet ma kienx involut fil-Master Plan għal Paceville”. Dikjarazzjoni ċara ta’ Simone Mousu – Direttur fid-Dipartiment tal-Artijiet meta kienet qed tixhed waqt seduta tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp nhar l-Erbgħa filgħaxija.
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli qalet li din id-dikjarazzjoni turi b’mod ċar li mhemm l-ebda koordinazzjoni bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u d-Dipartiment tal-Artijiet minkejja li dawn jaqgħu taħt l-istess Ministeru.
Matul il-laqgħa ħafna mill-kelliema, fosthom numru ta’ rappreżentanti ta’ NGOs ambjentali, talbu li ż-żmien ta’ konsultazzjoni pubblika għandu jiġi estiż minħabba li għad hemm nuqqas kbir ta’ informazzjoni dwar dan il-pjan.
Fil-bidu tal-laqgħa Marthese Portelli staqsiet kif se jkun qed jinħadem il-kumpens li se jingħata lil dawk il-familji u n-negozji li se jitilfu l-art u l-proprjetà tagħhom minħabba dan il-pjan. Din l-istess mistoqsija saret iktar tard matul il-laqgħa minn Philip Fenech f’isem il-GRTU.
Ir-rappreżentant tal-Awtorità tal-Ippjanar sostna li ma jistax jagħti din l-informazzjoni qabel ma l-pjan ikun finali.
Noel Buttigieg Scicluna wieħed mir-residenti f’Paceville qal li r-residenti fiż-żona ta’ St George’s Park kienu injorati kompletament fil-Master Plan ta’ Paceville. Huwa staqsa kif min fassal dan il-pjan jista’ jiġġustifika fuq livell estetiku u ambjentali li fit-tarf tal-bajja ta’ San Ġorġ se jkun qed jinbena torri ta’ 30 sular bir-rappreżentant tal-Awtorità tal-Ippjanar jgħid li dan ir-rapport tfassal minn esperti.
Noel Buttigieg Scicluna staqsa wkoll għal mudell li juri kif se jkun qed jidher it-torri bil-kelliem għall-Awtorità tal-Ippjanar jwieġeb li d-dokument tal-Master Plan jagħti informazzjoni biżżejjed u mudell bħal dan isir meta jkun hemm abbozz finali tal-Master Plan.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u l-Artijiet qal li f’dan l-istadju l-mudell ikun sar għalxejn għax ikun tard wisq u ssuġġerixxa li mudell bħal dan għandu jsir qabel.
Id-Deputat George Pullicino sostna li l-persuni li kitbu dan il-Master Plan għandom ikunu preżenti waqt is-seduta li jmiss tal-kumitat biex jirrispondu għal mistoqsijiet li jsirulhom anke minħabba l-fatt li huma tħallsu minn fondi pubbliċi. Id-Deputat Marthese Portelli saħqet li dan ir-rappreżentant għandu jkun kapaċi jwieġeb il-mistoqsijiet li jsiru minħabba li hija għamlet numru ta’ mistoqsijiet f’żewġ seduti konsekuttivi u dawn baqgħu mingħajr tweġiba. Dan kien ikkonfermat ukoll mid-Deputat George Pullicino li qal li matul l-aħħar laqgħa tal-kumitat huwa talab informazzjoni li ma kinitx imwieġba.
Carmel Cacopardo f’isem l-AD sostna li kien jistenna li l-Master Plan jittratta l-protezzjoni tal-kosta minkejja li kien hemm kunsens miż-żewġ naħat tal-kamra dwar dan bir-rappreżentant tal-Awtorità tal-Ippjanar jgħid li l-Master Plan jinkludi aċċess għall-kosta. Carmel Cacopardo qal li dan id-dokument jinjora kompletament l-isports tal-baħar li huwa komuni f’din iż-żona. Huwa sostna wkoll li mhemmx bżonn ta’ reklamazzjoni tal-art jew ta’ bini għoli mal-kosta u qal li l-pjan għandu jerġa’ jiġi mfassal mill-ġdid. Huwa saħaq li l-Master Plan jirreferi għal studji li mhux ippubblikati u saħaq li meta l-esperti li fasslu l-pjan jattendu għal-laqgħa tal-kumitat parlamentari għandhom iġibu dawn l-istudji magħhom.
B’rabta ma’ dan Alfred Baldacchino qal li l-imsieħba ma jistgħux jiffurmaw opinjoni dwar dan il-proġett minħabba li għad hemm ħafna informazzjoni li għadha nieqsa partikolarment dwar l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali li jista’ jkollu dan il-proġett. Huwa qal li l-Master Plan jinjora l-obbligi internazzjonali tagħna partikolarment fil-qasam ambjentali.
Philip Fenech f’isem GRTU staqsa x’kienu l-prinċipji ekonomiċi li ggwidaw dan il-pjan. Huwa saħaq li permezz ta’ dan il-pjan numru ta’ familji li għandhom xi tip ta’ negozju f’xi żoni ta’ Paceville li se jkunu out of business mil-lum għal għada u sostna li dawn il-familji għandhom jingħataw il-kumpens li jixirqilhom. Dan, sostna Philip Fenech, qed jissarraf fi tħassib għas-sidien tan-negozji f’dawn iż-żoni. Ir-rappreżentant tal-Awtorità tal-Ippjanar qal li l-Awtorità qed tiltaqa’ mal-familji fejn se jkun hemm każijiet ta’ esproprjazzjoni.
Monique Agius f’isem il-Front Ħarsien ODZ staqsiet għalfejn is-sottomissjonijiet tal-iżviluppaturi ma kinux ippubblikati. Hija talbet informazzjoni dwar min se jkun qed iħallas dan il-proġett bir-rappreżentant tal-Awtorità tal-Ippjanar jgħid li l-ispiża se tkun qed tinqasam bejn l-UE, l-iżviluppaturi u l-Gvern. Rappreżentanta tal-FAA saħqet li l-proposti tal-FAA kienu injorati fil-Master Plan filwaqt li kelliema għal Din l-Art Ħelwa qalet li l-pjan jinjora lir-residenti tal-lokalità. George Pullicino qabel mal-punt li mhemmx l-ebda referenza għal faċilitajiet ta’ servizzi komunitarji.
Iċ-Chairman tal-ERA qal li l-ERA qed tagħti l-opinjoni tagħha f’din il-fażi ta’ konsultazzjoni u din il-pożizzjoni mhux se tkun pubblika qabel it-tieni fażi tal-konsultazzjoni pubblika. Meta mistoqsi dwar il-pożizzjoni tal-ERA ċ-Chairman tal-ERA qal li huma jaqblu li dan il-pjan joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika b’Alfred Baldacchino jsejjaħ din id-dikjarazzjoni bħala “ħela ta’ ħin”.
Noel Muscat, is-Sindku tas-Swieqi, fisser it-tħassib tar-residenti tas-Swieqi għal dan il-Master Plan partikolarment fejn jidħol it-traffiku. George Pullicino qal li pjanijiet għat-traffiku għandhom jinkludu wkoll lil San Ġiljan u s-Swieqi.
Il-Master Plan se jkompli jiġi diskuss fi ħdan il-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp fil-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>