Budget 2017 Lokali

Il-KSU b’sensiela ta’ proposti għall-Baġit

Il-Kunsill Studenti Universitarji, flimkien mal-għaqdiet tal-istudenti rappreżentati fl-Università ta’ Malta, ippubblika dokument li jiġbor fih numru ta’ proposti u li l-aspettattivi tagħhom fid-dawl tal-Baġit li jmiss.

Id-dokument jiffoka fuq numru ta’ punti li jolqtu direttament lill-istudenti, u f’kull settur dan id-dokument jagħmel proposti speċifiċi u ideat ta’ kif id-diffikultajiet li jaffaċċjaw l-istudenti jistgħu jittaffew.

L-ewwel punt jitratta l-edukazzjoni ħolistika, bil-KSU li jemmen fl-importanza tat-tagħlim matul il-ħajja kif ukoll l-aċċess għall-edukazzjoni minn kulħadd, bi proposta ta’ stipendju addizzjonali jew għotjiet finanzjarji supplimentari lil mature students b’diffikultajiet intellettwali jew fiżiċi.

Hu propost ukoll investiment b’risq anzjanità attiva u iktar iffukar fuq ir-riċerka u l-iżvilupp.

Ma jistax jonqos li l-proposti jinkludu wkoll dawk bl-għan li tiġi ndirizzata l-problema kbira tat-traffiku, bi proposti għal inċentivi lil studenti li jużaw roti, e-bikes jew scooters, kif ukoll l-istallazzjoni ta’ iżjed bicycle lanes u kampanja edukattiva ta’ għarfien u rispett lejn iċ-ċiklisti.

Id-dokument tal-KSU jiffoka wkoll dwar inizjattivi ta’ carpooling, kif ukoll inizjattivi oħra favur l-ambjent, fost l-oħrajn bit-tħawwil ta’ iżjed siġar indiġeni u mediterranji u inċentivi għal riċerka bi sħab mal-Università ta’ Malta b’rabta mal-ġbir ta’ skart organiku u l-użu tiegħu.

Importanti fid-dokument tal-KSU huma l-proposti favur is-saħħa, bil-proposti ta’ fondi għal iżjed riċerka fuq is-saħħa sesswali b’mod ħolistiku u iżjed faċilitajiet sportivi fl-Università ta’ Malta.

Numru ta’ propsoti jinkludu wkoll lil Għawdex, inkluż it-talba ta’ installazzjoni tat-tieni fibre optic cable biex tiżdied il-konnettività bejn Malta u Għawdex u l-introduzzjoni tal-Gozo Arts Council, bħala parti minn dak ta’ Malta.

Dan minbarra proposta biex il-flotta tal-Gozo Channel tiġi rinovata u jinstabu alternattivi oħra biex wieħed jgħaddi bejn iż-żewġ gżejjer. Hu mitlub ukoll l-istallazzjoni ta’ software utli għall-istudenti li jattendu l-Università f’Għawdex, kif ukoll żieda f’din l-Università.