BLOGS

Manifestazzjoni ta’ gideb tagħna lkoll

Demokrazija mrażżna mil-libertà tal-espressjoni hi demokrazija marida li ma tqisx wieħed mill-aktar prinċipji fundamentali tad-demokrazija nnifisha. Din il-manifestazzjoni ta’ manipulazzjoni tal-midja hi karatteristika tal-Gvern ta’ Joseph Muscat li qiegħda tittrasforma f’politika li ċċaħħad lil min irid jitkellem u jwassal messaġġ li mhux neċessarjament imur skont id-daqqa tal-Gvern, ir-realtà ta’ ‘min hu kontra tagħna, jista’ jaħdem magħna’ dejjem jekk jagħlaq ħalqu u jdoqq l-istess moti f’sinkronija ma’ Kastilja. Għalhekk, hemm veritajiet li qed jinżammu mistura anki fuq ix-xandir nazzjonali, li hu fir-realtà tagħna lkoll!
Imma l-Partit Nazzjonalista mhux se jċedi quddiem din l-intimidazzjoni li permezz tagħha l-poplu qed ikun imċaħħad milli jingħata l-opportunità li jara l-affari politika minn lenti ċara. Minkejja dan, iż-żejt qed jitla’ f’wiċċ l-ilma u l-verità qiegħda dejjem tippersisti quddiem Gvern korrott li hu biss interessat minn dawk li huma tal-qalba.


Il-verità tat-tanker

Tul kampanja elettorali – li kienet ilha għaddejja kważi leġiżlatura sħiħa – Joseph Muscat kien determinat li jraħħas id-dawl u l-ilma bi proposta ta’ power station ġdida li taħdem bil-gass. Spjegazzjoni fuq spjegazzjoni, kliem fuq kliem, ċertezza fuq ċertezza… u Konrad Mizzi kkonferma li hemm kollox ippjanat saħansitra qabel rebħu l-elezzjoni. Id-dettalji kważi varawhom kollha, imma xi dettalji tant importanti baqgħu qatt ma ssemmew, ħlief meta ġew daharhom mal-ħajt u ma kellhomx alternattiva oħra, dik li jidhru quddiem il-poplu – jew ġew żvelati mill-midja mingħajr ma kellhom id-diċenza jitkellmu dwarhom huma? – u jistqarru li hemm veritajiet mhux daqstant sbieħ.
Il-monument tal-qerq – ta’ Joseph Muscat u l-ftit minn sħabu, fosthom Konrad Mizzi, il-ministru inkarigat mill-power station – li sbieħ nhar it-Tnejn li għadda daħal jankra għat-18-il sena li jmiss fil-bajja ta’ Marsaxlokk hu l-qofol ta’ manifestazzjoni qarrieqa ta’ Gvern li ma kienx onest quddiem il-poplu. Minkejja li tul il-kampanja elettorali Konrad Mizzi ġie ffaċċjat aktar minn darba bil-mistoqsijiet fir-rigward tal-ħażniet ta’ gass, qatt ma tkellem dwar it-tanker! Ilum għandna informazzjoni kredibbli li tikkonfermalna li Joseph Muscat u Konrad Mizzi kienu jafu li ma kellhom l-ebda pjan ieħor. Ingann!
Aktar minn hekk, il-poplu Malti, l-aktar tan-naħa t’isfel għandhom ikunu ppreżentati bl-istudji li jserrħulhom rashom minn kull eventwalità, liema studji għandna ma nafux jekk sarux u jekk saru, x’konklużjonijiet fihom għax ċertament mhuwiex biżżejjed għall-Maltin li jridu jserrħu moħħhom bit-tixbiha ta’ tanker li fih ħażna sostanzjali ta’ gass ma’ ‘cruise liner’.

Il-gidba tar-roħs
Il-poplu Malti vvota għall-Partit Laburista biex ikollu aktar arja nadifa jekk kemm-il darba pajjiżna jkollu power station ġdida li tirriduċi l-emmissjonijiet, imma llum, tliet snin u nofs wara r-rebħa mibnija fuq gidba ta’ roadmap, l-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali (l-NSO) tikkonferma kif minħabba l-interconnector u l-BWSC – żewġ proġetti tal-Partit Nazzjonalista – it-tniġġis tal-arja tnaqqas bi kważi 60%, u dan żgur mhuwiex għall-mertu tal-Gvern li ma żammx mal-wegħda primarja tiegħu.
Inkwiet li hu akbar minn hekk hi l-garanzija bankarja ta’ €360 miljun biex il-Gvern ikun jista’ jsostni l-proġett li issa jidher biċ-ċar, li pajjiżna ma jeħtieġx. Ma jeħtieġx lanqas li pajjiżna jkun marbut li għal 18-il sena sħaħ jixtri mill-Electrogas l-elettriku kollu li tipproduċi, jintuża u ma jintużax! Dan aktar u aktar meta l-prezz ta’ kważi 10ċ għal kull unit meta mill-interconnector jista’ saħansitra jinxtara b’anqas minn 3ċ.
Imma aktar minn hekk, il-Gvern qed jiftaħar bir-roħs li ġab minħabba l-interconnector u xi erba’ boloh imorru jċapċpulu u jagħtuh il-gratiduni!


Standards ta’ ipokresija

Li kieku l-Gvern ma għandux standards ta’ ipokresija, kieku l-fatti li kellhom ikunu ppreżentati qabel l-elezzjoni fir-rigward tal-power station, fost l-oħrajn – għax irridu nsemmu wkoll il-bejgħ taċ-ċittadinanza li wkoll ma ssemma xejn dwarha qabel Marzu tal-2013 – kienu jkunu skont l-eżattezza li titlob il-korrettezza politika.
Lil hinn minn hekk, irridu nfakkru li fl-2011 Joseph Muscat, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni, kien niżżel lin-nies jipprotestaw fit-toroq kontra l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel meta l-prezzijiet kienu fl-istess livelli bħal tal-lum, imma aktar minn hekk, meta l-prezzijiet internazzjonali taż-żejt kienu bil-wisq ħafna irħas minn tal-lum. Il-Gvern qed jisraq minn ħalq il-familji Maltin bejn 10 u 13-il ewro minn kull €30 li jagħtu lill-karozzi. Interessanti l-fatt li fl-2004, meta l-prezzijiet internazzjonali taż-żejt kienu bl-istess prezz bħal-lum, il-prezz tal-petrol u d-diesel kienu 44ċ u 48ċ irħas minn tal-lum. Dawn huma veritajiet li rridu nitkellmu dwarhom, inkella nkunu pupazzi tal-ipokresija bħalma hu l-Gvern attwali.
Dan hu l-prezz ta’ distakk politiku ta’ 36,000 li ta mandat lil Joseph Muscat abbażi ta’ veritajiet li llum ma humiex ħlief gideb. Manifestazzjoni ta’ gideb li jneżża’ d-demokrazija mill-aktar prinċipju mistenni: l-akkontabbilità politika.

Ikkummenta