Żagħżugħ ta’ 26 sena minn tal-Pieta’ kien ordnat iħallas is-somma ta’ €268,768 f’danni lill-eks-sieħba tiegħu wara li nstab responsabbli li għamiha minn għajnejha x-xellugija wara li ta daqqa ta’ tazza.
Il-każ seħħ f’Ottubru tal-2012.
Jirriżulta li Eric Sciberras Balbi ta’ 26 sena kien f’relazzjoni ma’ Veronica Muscat ta’ 24 sena. Huma kien ilhom f’relazzjoni għal sena u tliet xhur u kellhom il-ħsieb li jiżżewwġu.
Ġara li f’dak iż-żmien Balbi ma kienx jaħdem. Fir-rikors li ppreżentat Muscat qalet li Balbi kien jippretenti li jkollu impjieg b’salarju u kundizzjonijiet tajbin inkella ma jaħdimx. Din l-attitudni min-naħa ta’ Balbi wasslet għal diżgwid u argumenti bejniethom.
Dakinhar tal-inċident, Muscat kienet spiċċat mill-MCAST u marret fir-residenza ta’ Balbi. Hija qagħdet hemm tistennieh jirritorna wara interview li kellu għax-xogħol. Hekk kif Balbi rritorna d-dar, informaha li ma kienx interessat li jieħu l-impjieg offrut u dan għaliex il-paga ma kienitx tajba.
Muscat ma qablitx miegħu u insistiet miegħu li jkun aħjar li jibda jaħdem, anke b’paga minima u dan sakemm isib xi ħaġa aħjar.
Fir-rikors tagħha, Muscat allegat li dak il-ħin Balbi irrabja għal dan il-kliem u rreaġixxa billi ħatfilha t-tazza tal-luminata li kellha f’idejha u ta daqqa biha. Il-kliem eżatt li użat Muscat biex tiddeskrivi l-inċident huma li Balbi “qabad it-tazza li kont qed nixrob minnha u temmaħhieli m’għajnejja.”
Bid-daqqa t-tazza inkisret u Muscat sofriet sfreġju gravi u permanenti f’wiċċha, apparti li għamieha minn għajnejha x-xellugija. Infatti hija sostniet li sofriet diżabilità permanenti ta’ 40% u dan hekk bid-daqqa inqalatilha r-retina minn għajnejha.
Kif seħħ l-inċident Balbi qabdu paniku kbir. Min-naħa l-oħra, hekk kif omm Balbi semgħet b’dak li ġara ħassha ħażin. Eventwalment Muscat ittieħdet l-Isptar b’ambulanza akkumpanjata minn omm Balbi.
Irriżulta li fi triqithom fl-ambulanza lejn l-Isptar, omm Balbi infurmat lil Muscat li binha mhux l-ewwel darba li kien refa’ idejh fuq it-tfajlijet li kellu qabel. Qaltilha wkoll li saħansitra ġieli refa idejh fuqha wkoll.
Intant, hekk kif Muscat ittieħdet l-Isptar sarilha intervent. It-tobba għamlulha diversi punti minn imneħirha għal fuq moħħha. Il-pazjenta kienet għamlet kkonsultazzjoni ma’ espert fir-Renju Unit, fejn irriżulta li ma seta’ jsir xejn fir-rigward tal-ġrieħi tagħha.
Minn dakinhar ‘il quddiem, spiċċaw il-kuntatti kollha bejn Muscat u Balbi. B’rabta ma’ dan il-każ, Balbi diġà nstab ħati fi proċeduri kriminali fil-Qorti Kriminali u kien ikkundannat disa xhur ħabs. Balbi appella minn din is-sentenza.
F’din il-kawża li fetħet quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, Veronica Muscat talbet lill-Qorti tiddikjara lil Balbi responsabbli u b’konsegwenza ta’ hekk tillikwida d-danni favur tagħha.
Min-naħa tiegħu Balbi wieġeb billi qal li m’huwiex responsabbli għall-inċident inkwistjoni. Qal li d-diżabilità permanenti ta’ 40% li Muscat semmiet mhix korretta.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Silvio Meli qalet li Balbi huwa unikament responsabbli għall-inċident inkwistjoni u għalhekk ordnatlu jħallas lil Muscat is-somma ta’ €268,768.