BLOGS

Xi darba Muscat se jkollu jwieġeb dwar kollox

Il-Partit Nazzjonalista fl-oppożizzjoni qed ikun il-vuċi ta’ tant nies li sfortunatament qed ikunu mwarba minn dan il-Gvern jew mhux mogħtija l-importanza li jimmerithom. Veru każ li dak kollu li tkellem dwaru Joseph Muscat qabel l-elezzjoni ġenerali mhux qed iseħħ anzi qed jagħmel l-oppost ta’ dak li tkellem dwaru. Il-PN iżda se jibqa’ b’saħħtu u determinat li nwasslu l-verità f’kull ħin u mument biex il-poplu jifhem aħjar dak li tassew qed iseħħ madwarna b’detriment għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Niftakru li qabel l-elezzjoni ġenerali Muscat kien jitkellem dwar l-importanza u n-neċċessità li jeqred il-korruzzjoni. Illum nafu biżżejjed li mhux talli dan ma seħħx talli llum għandna l-aktar Gvern korrott minn wara l-Indipendenza ’l hawn u qisu ma jiddejjaq xejn iħammeġ idejh f’numru ta’ skandli, l-aqwa li hu u ta’ madwaru jkunu komdi. Agħar minn hekk dan il-Gvern lest li jagħmel kollox biex jaħbi l-korruzzjoni u ma jimpurtaħ xejn minn isem Malta fl-istituzzjonijiet internazzjonali partikolarment dawk Ewropej.
Iżda l-Partit Laburista ma jafx jistħi u jasal għal kollox. Fil-jiem li għaddew, hekk kif kien qed jasal f’pajjiżna l-monument tal-korruzzjoni fil-bajja ta’ Marsaxlokk, minn Kastilja ħasbu biex jagħmlu media stunt u jiddevjaw l-attenzjoni bil-ħsieb li flok il-poplu ikompli jitkellem fuq ir-riskji kollha li jġib miegħu t-tanker tal-gass, jitkellmu dwar affarijiet oħra li huma purament invenzjoni Laburista bla ebda bażi.

Dan hu l-istil li jimxi bih il-PL, stil maħmuġ u li żgur ma jirriflettix dak li jitkellem dwaru b’tant qdusija l-Prim Ministru Muscat. Agħar minn hekk, Muscat illum tant jinsab f’xifer l-irdum li qed narawh jaħrab milli jwieġeb mistoqsijiet dwar il-kunflitt ta’ interess minn Keith Schembri u dan wara li fl-aħħar jiem, dan l-istess ġurnal żvela li l-kumpanija barranija Komori qed tinnegozja għall-ewwel darba ma’ Crane Currency. Iżda meta l-midja qed tistaqsi d-domandi lil Muscat, dan mhux qed ikun hemm biex iwieġeb u qed jaħrab milli jkun quddiem il-midja għal raġunijiet li jaf hu biss. Din hi sitwazzjoni li turi biċ-ċar li Muscat għandu x’jaħbi għax min jevita lill-ġurnalisti b’mod ripetut u mhux f’ċirkostanza ta’ darba iżda konsistentament, allura wieħed bilfors jasal għall-konklużjoni li dan għandu x’jaħbi.

Quddiem dan kollu wieħed jistaqsi, x’jaf Muscat li aħna ma nafux? Għaliex Muscat jinsab skomdu li jidher quddiem il-ġurnalisti? Dawn huma domandi li l-poplu qed jistaqsi u li Muscat xi darba jew oħra se jkollu jwieġeb u ma jistax ikompli jaħrab minnhom.
Ejjew ma ninsewx li dan il-Prim Ministru, meta kien Kap tal-Oppożizzjoni kien jitkellem dwar il-bżonn ta’ trasparenza iżda llum din saret l-akbar ċajta fil-pajjiż. Illum ftit huma dawk li għadhom jemmnu lil Muscat meta dan jitkellem dwar il-ħtieġa li l-politiċi tagħna jkunu accountable għal dak li jagħmlu u min jiżbalja jrid iħallas għal dak li jkun għamel.
Kif tista’ temmen lil Muscat dwar dan meta hu baqa’ ma jridx jieħu passi kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri? Ir-realtà hi li Muscat mhuwiex kredibbli u llum dawk li kienu jemmnu jew fdaw il-vot tagħhom lil Muscat, huma deċiżi li ma jkunux vittmi mill-ġdid ta’ żball politiku ieħor.

Quddiem dan kollu, il-poplu qed idur fuq il-Partit Nazzjonalista u qed jistenna mingħandu li jara Gvern alternattiv u dan hu dak li l-PN qed jagħmel mill-oppożizzjoni. Se nkomplu naħdmu biex jum wara l-ieħor nikkonvinċu aktar nies jersqu lejn il-PN bit-tama li nagħtu lil dan il-pajjiż dak li l-poplu tagħna tant jixtieq; Gvern serju u responsabbli li jkun mibni fuq l-onestà!