Lokali

Żieda ta’ 118-il wild fis-sena 2015

Arkivji

Matul is-sena li għaddiet kienu rreġistrati b’kollox 4,835 tarbija, li tindika żieda ta’ 118-il wild fuq is-sena ta’ qabel.

Dan ħareġ minn rapport maħruġ min-National Obstetrics Information System. Ir-rapport jindika li minn 4,853 li twieldu 66 minnhom kienu tewmin u tliet trabi twieldu triplets.

Ir-rapport tal-NOIS juri li x-xejra tal-ommijiet li jkollhom it-tfal aktar tard fl-età kompliet tiżdied, hekk kif 36% tal-ommijiet kellhom bejn it-30 u l-34 sena. Kien hemm ukoll tnaqqis marġinali fit-twelid b’ċesarja, bl-ommijiet li welldu ċesarja jammontaw għal 31%, punt perċentwali inqas mis-sena ta’ qabel.

Ir-rapport juri wkoll li fl-2015 ma kien hemm ebda mwiet ta’ ommijiet waqt jew konsegwenza tal-ħlas. F’pajjiżna ma ġew irrappurtati l-ebda mwiet ta’ ommijiet waqt il-ħlas għal dawn l-aħħar ħames snin.