Lokali

Aġġornata: Anzjana tmut wara li ntlaqtet minn vann tal-ħaxix fil-Mosta meta ħarġet tixtri

Anzjana ta’ 77 sena li ħarġet biex tixtri spiċċat tilfet ħajjitha wara li ntlaqtet minn vann tal-ħaxix fil-Mosta. Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9.20am fi Triq il-Kungress Ewkaristiku.

Persuni li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li l-anzjana kienet se taqsam it-triq ftit ‘il bogħod miż-zebra crossing u minn bejn żewġ karozzi li kienu pparkjati. Kien għalhekk li x-xufier tal-vann, anzjan ukoll, ma ndunax bil-mara u laqatha bil-vettura.

Jidher li d-daqqa kienet waħda żgħira. Madankollu, hi ntrifset ukoll mit-tyre tal-vann u kien hawn fejn tilfet ħajjitha.

Fil-ħin tal-inċident, hi kellha f’idha l-basket tax-xirja, bil-persuni li tkellmu magħna qalu li aktar li l-anzjana kienet mgħaġġla biex tmur tkompli x-xogħol f’darha. Min-naħa l-oħra, il-persuni li tkellmu magħna qalu li l-anzjan li għandu 68 sena hu magħruf ma’ kulħadd kemm isuq bil-mod.

Fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei biex jagħti l-ewwel għajnuna lill-anzjana. Madankollu, l-intervent tagħhom kien kollu għalxejn għax hi laħqet tilfet ħajjitha fil-post. Minflok, ingħatat l-għajnuna lix-xufier tal-vann, li kien qed ibati minn xokk.

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ, filwaqt li nħatret Inkjesta, li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-għassa Charmain Galea.

Għal xi ħin, partijiet mit-triq kellha tingħalaq għat-traffiku.

incident mosta