F’Konferenza tal-ahbarijiet, Birdlife Malta qalet li din is-sena kellna massakru ta’ għasafar protetti. Birdlife qalet li total ta’ 32 tajra protetta nqatlu tul l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa li fi tmiem din il-ġimgħa jagħlaq xahar u nofs mill-ftuħ tiegħu fl-1 ta’ Settembru.
L-aħħar każ ta’ qtil ta’ tajr protett kien dak ta’ Bies, magħruf bħala l-Falkun ta’ Malta, li seħħ fil-bidu ta’ din il-ġimgħa fl-Imqabba.
Dan sostnietu Birdlife Malta waqt konferenza tal-aħbarijiet li trattat l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa u n-nuqqas ta’ infurzar kontra l-illegalitajiet minn naħa tal-Gvern.
Birdlife Malta qalet li l-qtil ta 32 tajra protetta huma biss każi li jafu bihom huma u għalhekk ma jeskludux li hemm oħrajn. B’kollox l-illegalitajiet li ġew osservati s’issa mil-bidu tal-istaġun jammontaw għal aktar minn 120 bil-Birdlife għandha 70 evidenza minn dawn l-illegalitajiet.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta Mark Sultana saħaq li fuq dawn l-illegalitajiet il-Gvern lanqas pożizzjoni ma ħa.
Birdlife Malta qed titlob li l-gvern jindirizza dawn l-illegalitajiet billi jqawwaf Wildlife Crime Unit fi hdan il-Korp tal-Pulizija.
Il-Manager tal-Konservazzjoni fi ħdan Birdlife Nicholas Barbara minn naħa tiegħu tkellem dwar kif li reġa nfetaħ l-istaġun tal-insib, qed tinkiser direttiva tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta Mark Sultana sostna kif minn naħa tagħhom huma dejjem jittamaw li x-xogħol tagħhom jonqos imma rriżulta li fl-aħħar snin xogħolhom kellu jiżdied u għalhekk appella għall-għajnuna tal-pubbliku.
Waqt il-Konferenza tal-ahbarijiet Mark Sultana qal wkoll li qed ikollhom ammont ta’ kaċċaturi li jikkuntatjawhom meta jaraw xi illegalita’ iżda fl-aħħar mill-aħħar sostna Sultana dawn il-persuni xorta jmorru jikkaċċjaw l-għasafar.
//= $special ?>