Il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo sostna li anke jekk jiġi Josè Mourinho f’Malta, il-livell tagħna se jibqa’ l-istess u qal li qabel mal-plejers tagħna jkunu professjonali ma nistgħux nistennew li niksbu riżultati pożittivi. Qal dan f’intervista li saret lilu minn Louise Tedesco waqt NET News.
Hu semma li biex il-plejers tagħna jkunu verament professjonali jridu jilagħbu barra l-pajjiż. Hu qal li fil-passat il-plejers kollha tat-tim nazzjonali kienu jitħarrġu fuq bażi professjonali, iżda fl-aħħar snin fuq insistenza tal-klabbs, il-plejers inħarġu minn din l-iskema u bdew jitħarrġu l-ġimgħa kollha mal-klabbs rispettivi tagħhom.
Darmanin Demajo għalhekk saħaq li l-unika għażla hi li l-plejers tagħna jmorru jilagħbu b’mod professjonali barra l-pajjiż. Hu qal li f’dan ir-rigward ma’ sar l-ebda avvanz għaliex ħamsin sena ilu kellna plejer wieħed barra l-pajjiż, lil Joe Cini u llum il-ġurnata għandna biss tnejn.
Hu qal li l-MFA tgħin lill-plejers biex isibu klabbs barra l-pajjiż iżda finalment irid ikun il-plejer li jaċċetta u jiffirma biex jaqbad karriera professjonali.
Dwar il-kummenti ta’ Andre Schembri l-President Norman Darmanin Demajo ma kkumentax direttament għalihom iżda qal li veru f’20 sena l-kampjonat malti ma nbidilx għax dan kien kampjonat tad-dilettanti u llum għadu kampjonat tad-dilettanti. Darmanin Demajo ma qabilx ma’ Andre Schembri dwar is-settur tal-youths fejn qal li hawn sar ħafna xogħol u l-frott qed jidher fir-riżultati li qed jikseb it-tim ta’ taħt il-21 sena.
Qal li f’din l-iskema li bdiet sitt snin ilu l-MFA qed tgħin anki lil dawn iż-żgħażagħ isibu kuntratti ma’ klabbs barra l-pajjiż. Iżda rrepeta li jridu jkunu l-istess plejers li jaċċettaw, iżda jidher li dawn qed isibu problemi biex jibdew avventura barra l-pajjiż, forsi għaliex iż-żgħażagħ Maltin huma mfisdin u mhux lesti għas-sagrifiċċju.
Dwar il-kampjonat u l-barranin hu qal li personalment ma jaqbilx ma’ seba’ barranin iżda qal li din kienet għażla tal-klabbs. Mistoqsi jekk jaħsibx li hemm nuqqas ta’ scouting, Darmanin Demajo qal li Malta żgħira u l-plejers huma kollha magħrufa u għalhekk jemmen li l-aħjar elementi qegħdin fl-iskwadra nazzjonali. Norman Darmanin Demajo temm jgħid li jekk il-futbol u l-plejers tagħna jibqgħu dilettanti ma nippretendux li jiġu s-suċċessi fil-grawnd.
//= $special ?>