Id-differenza bejn l-LNG u l-gass li nsibu fiċ-ċilindri tad-djar hi li l-LNG jitla’ ‘l fuq. U f’każ li l-LNG jaħrab mit-tanker, jekk jitla’ ‘l fuq, dan jaf jifga lin-nies taz-zona.
Dikjarazzjoni ċara mill-Kap tad-Dipartiment tal-Kimika fl-Università ta’ Malta, il-Professur Emanuel Sinagra, li kien wieħed mill-mistiedna tal-programm “Dissett” fuq l-Istazzjon tal-Istat.
Fil-programm ipparteċipaw ukoll, fost l-oħrajn, il-Ministru responsabbli mill-Enerġija Konrad Mizzi u x-Shadow Minister għall-Enerġija Marthese Portelli.
Iżda minkejja d-dikjarazzjoni tal-Professur Sinagra, il-Ministru Konrad Mizzi ħass li kellu jxejjen kwalunkwe riskju li jista’ jkun hemm billi qal li maltempata qawwija forsi sseħħ ġurnata waħda fis-sena.
F’dak il-każ, it-tanker se jkun qed jinqala’ minn mal-moll u l-provvista tiġi diskonnessa. Madankollu, serraħ moħħ in-nies li xorta tkun laħqet għaddiet provvista biżżejjed biex il-pajjiż jibqa’ għaddej u ma jispiċċax fid-dlam.
Mistoqsi mill-preżentatur tal-programm Reno Bugeja, Konrad Mizzi tbissem u ma ħassx li kellu jitlob skuża għad-dewmien biex il-Power Station titlesta għax, skont hu, fi tliet snin sar ħafna xogħol ieħor. Hu qal li r-rapporti kollha, li jinkludu eluf ta’ paġni, se jkunu ppubblikati la jibda l-proċess ta’ konsultazzjoni, li se jdum xahar.
Min-naħa l-oħra, spjega kif ladarba l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tapprova l-permessi meħtieġa, ikun hemm bżonn madwar xahrejn oħra biex il-Power Station il-ġdida tibda topera.
Min-naħa tagħha, ix-Shadow Minister Marthese Portelli qalet li l-Partit Nazzjonalista qed joġġezzjona għat-tanker tal-gass għax ma jridx li n-nies fin-nofsinhar ta’ Malta, b’mod partikolari dawk ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, ikunu fir-riskju.
Hi fakkret fid-Direttiva ta’ Seveso, li titlob li meta qed titratta materjal perikoluż, irid ikollok f’idejk numru ta’ rapporti li f’dan il-każ, s’issa għadna ma rajna xejn minnhom minkejja d-diversi talbiet li saru għall-informazzjoni.
Marthese Portelli qalet li d-Direttiva titlob li l-informazzjoni tkun pubblika appena ssir talba għaliha.
Ix-Shadow Minister għall-Enerġija qalet li dan il-proġett ma kienx parti mill-Programm Elettorali tal-Partit Laburista għax oriġinarjament il-ħażna tal-gass kellu jkun fuq l-art u mhux f’tanker f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk.
//= $special ?>