Lokali

Ikkonfermat il-bżonn ta’ speed camera fil-Bypass tas-Siġġiewi

Studju li tħejja minn espert imqabbad mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ikkonferma l-bżonn li fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi magħrufa bħala l-Bypass tas-Siġġiewi tiġi installata speed camera.

L-istudju li tħejja mill-konsulent Bjorn Bonello kkunsidra d-diversi modi kif qed tintuża tat-triq fil-preżent kif ukoll għamel analiżi tal-inċidenti li seħħew matul l-aħħar 3 snin. Minn dan l-istudju jirriżulta li:

1. Numru kbir ta’ sewwieqa jsuqu b’veloċità eċċessiva fil-ħinijiet u l-ġranet kollha tal-ġimgħa. B’mod partikolari ġie stabbilit li f’85% tal-każijiet ikun hemm sewqan b’mod eċċessiv u għalhekk perikoluż.

2. F’din it-triq diġà seħħew għadd kbir ta’ inċident u matul l-aħħar 3 snin biss tilfet ħajjitha persuna, numru kbir ta’ persuni sofrew ġrieħi gravi kif ukoll saret ħsarat lil numru kbir ta’ residenzi privati.

Is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina qal: “Issa li ġie stabbilit b’mod konslussiv il-bżonn urġenti ta’ din l-ispeed camera, nawgura li l-awtoritajiet jieħdu deċiżjoni finali biex minnufih nevitaw li aktar nies jitilfu ħajjithom u jweġġgħu f’din it-triq. Dan il-pass qegħdin nagħmluh biex nipproteġu lir-residenti u lis-sewwieqa minn oħrajn li b’mod irresponsabbli jsuqu b’mod eċċessiv u perikoluż”.

Fil-ġimgħat li għaddew dan l-istudju ġie diskuss u approvat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u ntbagħat lil-Local Enforcement System Agency (LESA) li minn naħa tagħha laqgħet il-konklużjonijiet u għaddithom lil Transport Malta għal deċiżjoni finali.

Dan l-istudju tħejja b’kollobarazzjoni sħiħa mal-Local Enforcement System Agency (LESA) li mhux biss iggwidat lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fil-proċess iżda tat l-informazzjoni meħtieġa biex setgħu jitfasslu l-konklużjonijiet.

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ilu numru ta’ snin jinsisti mal-awtoritajiet dwar il-bżonn li f’din it-triq tiġi installata speed camera biex jinqata’ l-abbuż minn sewqan eċċessiv u perikoluż.