Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema ressaq protest ġudizzjarju kontra l-Ministru tat-Trasport, kontra l-Prim Ministru u kontra Transport Malta dwar l-iskema ta’ parkegg għar-residenti li saret f’Mejju 2013 u li kellu jwaqqaf f’Ġunju tal-istess sena wara li l-Gvern kien ħareġ avviż legali li rrestrinġa l-iskema għal żewġ toroq biss.
Il-Kunsill qal li l-Avviż Legali kien japplika biss għall-lokalità ta’ Tas-Sliema u mhux għal lokalitajiet oħra.
Minkejja l-wegħdi mill-Ministru tat-Trasport, il-Policy ta’ Parkeġġ komprensiva baqgħet ma ħarġitx u l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema baqa’ bla risposta għall-ilmenti li qajjem.
Fil-protest ġudizzjarju, l-Kunsill qal li nkariga lid-ditta MISCO biex tagħmel survey dwar il-problema ta’ parkeġġ li minnu rriżulta li l-maġġoranza tar-residenti jħossu li l-Iskema ta’ Parkeġġ Kontrollat tkun waħda utili biex ittaffi s-sitwazzjoni attwali.
Għalhekk il-Kunsill talab li jkun revokat l-Avviż Legali u l-Kunsill ikun liberu li jerġa’ jimplimenta l-Iskema ta’ Parkeġġ Kontrollat. Il-Kunsill talab li jittieħdu passi tanġibbli u konkreti biex mingħajr dewmien tinħareġ il-Policy ta’ parkeġġ komprensiva li semma l-Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura.
Sadattant, il-Kunsill qal li qed iżomm lil min hu responsabbli għad-danni li rriżultaw jew li jistgħu jirriżultaw.
//= $special ?>