Lokali

Se jinbena solar farm fil-fiddien fir-Rabat

Dawk li m’għandhomx bejt u jixtiequ jinvestu f’pannelli solari biex jiġġeneraw l-enerġija alternattiva se jkunu jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ Solar Farm li se jsir fil-Fiddien, fir-Rabat.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Konrad Mizzi flimkien mal-Ministru tal-Ambjent Jose’ Herrera. Għalkemm il-konferenza tal-aħbarijiet trattat l-enerġija, ma tmexxietx mill-Prim Ministru Joseph Muscat li hu responsabbli mill-enerġija imma mill-Ministru Konrad Mizzi li l-Prim Ministru qal li neħħieħ minn Ministru responsabbli mill-Enerġija.

L-iskema msejħa Communial PV Farm Scheme se jkun fiha 90 Megawatt ta’ pannelli solari jew 5 fil-mija tal-enerġija f’pajjiżna.

Il-farm se jsir bis-sehem tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-pubbliku jista’ jixtri erba’, tmienja jew tnax il-pannella fotovoltajika li jibdew minn 1,495 ewro sa massimu ta’ 4,485 ewro. Kull konsumatur hu eleġibbli għal din l-iskema.

Fl-ewwel sitt snin il-feed-in tariff se tkun ta’ 15-il ċenteżmu kull unit u fl-14-il sena ta’ wara tkun bl-10 ċenteżmi punt ħamsa.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma applikat għal permessi u ħarġet it-tender għal-pannelli.

Il-Ministru Jose’ Herrera qal li l-pannelli mhix se joħolqu impatt ambjentali negattiv u l-emmissjonijiet CO2 se jonqsu b’aktar minn 8000 tunnellata fis-sena.