Lokali

Filmat: Bid-donazzjoni tiegħek, il-Partit Nazzjonalista jkompli jkun it-tarka tiegħek

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jingrana fit-tħejjijiet tiegħu għall-elezzjoni ġenerali. Għal din ir-raġuni irid ikompli jinvesti fil-mezzi kollha tiegħu biex il-messaġġ tal-Partit jasal għand il-poplu.

B’rabta ma’ dan il-Ħadd il-Partit Nazzjonalista se jorganizza żewġ attivitajiet bit-tema ‘Is-Sigurtà tiegħek mhedda bil-Korruzzjoni’. Dan fid-dawl ta’ kif qed jitmexxa pajjiżna u fuq kollox b’rabta ma’ dak li ġara din il-ġimgħa- il-wasla tat-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Waħda mill-attivitajiet tal-Ħadd se tkun il-maratona ġbir ta’ fondi.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake qalet ma’ Net News kif il-Partit iħoss li għandu responsabilita’ aktar minn qatt qabel sabiex jagħti gvern li verament jixraqlu l-poplu Malti u Għawdxi. Iżda biex jagħmel dan il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn l-għajnuna anke tal-pubbliku.

Rosette Thake semmiet wkoll kif il-Partit Nazzjonalista kien beda sistema ta’ ristrutturar fi ħdanu proċess li għadu għaddej għaliex il-partit irid jibqa’ dejjem aġġornat ma’ dak li jrid il-poplu u li hu ġust.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake appellat sabiex il-pubbliku jkun parti anke mill-attivita’ tal-Ħadd filgħodu, attivita’ politika f’Marsaxlokk li se tkun indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.