Lokali

Il-Kap tal-PN iħabbar aktar bidliet bi tħejjija għall-kampanja elettorali

Waqt laqgħa li saret dalgħodu mal-ħaddiema kollha tal-Partit Nazzjonalista u tal-kumpanija Media.Link Communications, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar bidliet ġodda, hekk kif kemm il-Partit kif ukoll il-media tiegħu qed iħejju għall-kampanja elettorali li jmiss.

Wara li Caroline Muscat inħatret Campaign Manager aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista illum ħatar lil Brian St John bħala Chief, Corporate and Business Strategy. F’dan ir-rwol, hu se jkun responsabbli mill-finanzi u l-propjetà kollha tal-media u tal-partit bi tħejjija għall-kampanja elettorali.

Min-naħa l-oħra, l-operat tal-istrutturi tal-Partit u tal-media se jkunu f’idejn s-Segretarju Ġenerali Rosette Thake, li hi wkoll iċ-Chairperson tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija Media.Link Communications.

Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista qed jieħu l-elezzjoni ġenerali bis-serjetà u, kif tenna fid-diskors tiegħu fil-Festi tal-Indipendenza, startja l-magni elettorali tiegħu biex ikun jista’ joffri lill-poplu Malti u Għawdxi Gvern nadif, li jservi mhux lilu nnifsu iżda lil kulħadd.