Lokali

Il-Kunsill tas-South ma jridx jiddiskuti l-impatt tat-tanker

Il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta (KKNM), immexxi mid-Deputat Laburista Silvio Parnis, ma jridx jiddiskuti l-imptatt tat-tanker tal-gass fuq in-Nofsinhar ta’ Malta.

It-tanker tal-gass wasal Malta fejn se jkun qed jitpoġġa b’mod permanenti f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk. Dan minkejja diversi twissijiet minn esperti u sajjieda li tkellmu dwar ir-riskji li t-tanker iġib miegħu, partikolarment meta jkun il-maltemp.

Nhar il-Ħamis 6 ta’ Ottubru li għadda saretet laqgħa tal-Kunsil tas-South iżda matulha spikkat in-nuqqas ta’ diskussjoni dwar l-impatt tat-tanker minkejja qbil li din il-kwistjoni tiġi diskussa.

Filfatt, żewġ laqgħat ilu tal-Kunsill tas-South kien intlaħaq qbil li ssir preżentazzjoni minn esperti dwar l-impatt tat-tanker tal-gass fuq ir-residenti ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk. Madanakollu, din il-preżentazzjoni ma saritx fil-laqgħa sussegwenti.

F’ittra liċ-Chairperson tal-Kunsill tas-South, ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni Charlot Cassar talab raġuni għaliex din il-materja tħalliet barra mill-aġenda. Talab ukoll li l-kwistjoni tiġi inkluża fl-aġenda.

Iċ-chairperson tal-Kunsill tas-South hu d-Deputat Laburista Silvio Parnis, li f’risposta għat-talbiet ta’ Charlot Cassar waħħal fl-awtoritajiet u ġġustifika n-nuqqas ta’ diskussjoni dwar it-tanker billi qal li kien għad ma kellux risposta mill-awtoritajiet dwar it-talba għal preżentazzjoni mill-esperti.