Lokali Qorti

“Jekk inħallik barra ikollna nagħmlulek funeral” – il-Maġistrat Joe Mifsud lil żagħżugħ bil-vizzju tad-droga

“Se nżommok ġewwa biex tingħata opportunita’ biex tegħleb il-vizzji u tirranġa ħajtek. Jekk inħallik barra, ikollna nagħmlulek funeral”. Din kienet it-twissija tal-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud meta tat sentenza fil-konfront ta’ Justin Mamo, żagħżugħ ta 19-il sena minn tas-Sliema.

Mamo kien ikkundannat 18-il xahar ħabs u ordni ta’ trattament għal tliet snin sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga wara li ammetta sensiela ta’ serqiet bejn it-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru seraq minn tliet iħwienet fil-Gżira, tas-Sliema u Ħal Qormi.

Iż-żagħżugħ kien akkużat ukoll li hedded u nġurja uffiċjali tal-pulizija, u m’obdiex ordnijiet leġittimi ta’ uffiċjal pubbliku.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti nnutat il-fedina penali taż-żagħżugħ u ċ-ċirkostanzi diffiċli tat-trobbija tiegħu u wissietu li għadu biċ-ċans li ma jaqbadx ħajja ta’ kriminalita’. Il-Qorti rrakkomandat ukoll li Justin Mamo jiskonta s-sentenza fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Carmeli.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kylie Borg u Mark Anthony Mercieca filwaqt li l-Avukat Martin Fenech deher bħala avukat tal-għajnuna legali għan-nom tal-akkużat.