Il-UĦM Voice of the Workers ordnat iktar direttivi lill-membri tagħha fl-isfond tal-kwistjoni marbuta mad-Deputati Reġistraturi fil-Qorti. F’kummenti ma’ dan is-sit, l-Assistent Direttur Edwin Balzan qal li minbarra d-direttivi maħruġa iktar kmieni din il-ġimgħa, id-Deputati Reġistraturi ingħataw direttiva sabiex ma jaċċettawx komunikazzjoni, sew bil-fomm kif ukoll bil-kitba, minn marixxalli, skrivani u messaġġiera.
Balzan qal li d-direttivi kienu suċċess qawwi u kellhom parteċipazzjoni ta’ 95%.
Sadanittant, il-UĦM irreġistrat tilwima industrijali fuq oqsma oħra relatati max-xogħol fil-Qorti. It-tilwima industrijali hi dwar applikazzjoni meqjusa bħala diskriminatorja għal deputati reġistraturi, l-uniformijiet tal-ħaddiema governattivi u n-nuqqas kroniku ta’ staff fir-reġistru tal-Qorti.
Iktar kmieni din il-ġimgħa, il-UĦM ordnat azzjonijiet industrija li daħlu fis-seħħ mill-bieraħ wara li l-union kellha laqgħat mad-Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Ġustizzja Frankie Mercieca fejn f’Settembru kienet bagħtet numru ta’ proposti.
Madankollu, minn dakinhar għadda xahar u fi kliem il-UĦM, “l-amministrazzjoni tal-Qorti għadha tkarkar u bla ebda proposta li twassal biex b’mod tanġibbli tindirizza s-sitwazzjoni.”
//= $special ?>