Raġel ta’ 39 sena minn San Pawl il-Baħar kien ikkundannat sentejn ħabs wara li ammetta li mmisapproprija s-somma ta’ €4,216 għad-dannu ta’ Carmelo Abela u Antonia Scicluna li kien fdawlu l-karozza waqt li kienu msefrin u li fiha kien hemm iċ-chequebook ta’ Abela
Il-każ seħħ f’Novembru 2013 u fix-xhur ta’ qabel.
Konrad Cassar kien akkużat b’misapproprijazzjoni, falsifikazzjoni u li għamel użu minn dokumenti foloz. Huwa kien mixli wkoll li kkommetta reat ieħor waqt perjodu operattiv ta’ libertà bil-kundizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati nhar l-4 ta’ Marzu 2013.
Il-vittma xehdu li meta marru jiċċekkjaw il-bilanċ, kull ma sabu fih kienet is-somma ta’ €700 u bdew jgħidu lil tal-Bank li ma jistax ikun li kien hemm xi żball f’dan il-kont. Huma ċċekkjaw u saru jafu li kienu saru numru ta’ transazzjonijiet waqt li kienu imsifrin.
Dakinhar li marru jagħmlu r-rapport, intqal lilhom li kienu inħarġu numru ta’ ċekkijiet kollha fuq ċertu Konrad Cassar u li jammontaw għal €4,216.
Huma indikaw li kienu jafu lil Cassar u li huwa kien ikun fil-kumpanija tagħhom u qabel ma siefru peress li kellu bżonn imur l-Isptar kuljum, Carmelo Abela kien tah iċ-ċwievet tal-vann tiegħu u qallu biex jużah. Fil-vann kien hemm iċ-chequebook li konsegwentement spiċċa fil-pussess tal-imputat.
Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-piena, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, nnotat l-ammissjoni tal-imputat u li għandu fedina penali li diġà fejn kien instab ħati ta’ diversi akkużi ta’ serq, pussess ta’ droga u kontravvenzjonijiet tat-traffiku.
//= $special ?>