Sentejn wara li kien qal li ma jistax ifittex lil Skanska, issa l-Gvern ħabbar li se jiftaħ proċeduri legali kontra l-kumpanija li bniet l-isptar Mater Dei.
L-aħbar ingħatat mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha qal li tim legali bagħat ittra lil Skanska biex jiskattaw proċeduri legali, fosthom proċess ta’ arbitraġġ, biex Skanska tħallas id-danni għal konkrit mhux tal-ogħla livell użat fil-bini tal-isptar Mater Dei.
Din l-aħbar, li l-Gvern se jfittex lil skanska għad-danni, tmur kompletament kontra dak li kien qal il-Ministru Konrad Mizzi madwar sentejn ilu, meta kien qal li l-Gvern Malta ma setax ifittex lill-kumpanija Skanska minħabba, fi kliemu, waiver fil-kuntratt iffirmat numru ta’ snin ilu.
Iżda issa jirriżulta li dan ma kienx minnu – hekk kif il-Gvern beda proċeduri legali kontra l-istess Skanska, bl-argument li l-ebda ‘waiver’ ma teżonera lill-kuntrattur mir-responsabilitajiet tiegħu.
Skont ir-rapport ta’ inkjesta li kien tħejja kien irriżulta li erbgħa minn ħames testijiet dak iż-żmien saru mill-kuntrattur innifsu – jiġifieri minn Skanska. U waqt il-konferenza tal-aħbarijiet Chris Fearne qal li l-proċeduri legali se jsiru mhux biss fuq bażi teknika, iżda anke fuq bażi ta’ frodi – f’indikazzjoni li l-użu ta’ konkri mhux tal-ogħla kwalità sar minn wara dahar il-Gvern ta’ dak iż-żmien.
//= $special ?>