Birdlife Malta ħadet f’idejha t-tmexxija tas-Salini wara li ġġie ffirmat ftehim mal-Gvern li permezz tiegħu, l-għaqda ambjentali se tkun responsabbli mill-immaniġġjar ta’ dan is-sit.
Birdlife Malta diġà tmexxi numru ta’ siti naturali li matul is-snin ġew fdati f’idejha mill-Gvern biex timmaniġġjahom wara li kkontribwiet għar-restawr tal-ekosistemi tagħhom. Fost dawn hemm ir-Riserva Naturali tal-Għadira fil-Mellieħa, dik tas-Simar f’San Pawl il-Baħar u ż-żona kbira ta’ afforestazzjoni ‘Foresta 2000′ fit-Tramuntana tal-pajjiż.
Issa ma’ dawn qed jiżdied ukoll is-sit tas-Salini, sit li se jkun l-akbar riserva f’idejn il-Birdlife Malta.
Fis-Salini, apparti l-istorja marbuta mal-produzzjoni tal-melħ, il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi wkoll numru ta’ għasafar ġodda li mistennija jiġu attirati lejn dan il-post, u forsi anke jibdew ibejtu f’dan is-sit.
F’kummenti ma’ NETnews, il-President ta’ Birdlife Malta Darryl Grima spjega li l-għan hu li l-Birdlife tagħti aċċess għall-pubbliku kollu biex mhux biss igawdi l-aspett storiku tas-Salini, iżda anke jkun jista’ japprezza tjur differenti li mistennija jkunu attirti.
Fost dawn hemm il-fjammingi, li minn żmien għal żmien jagħmlu waqfiet ta’ mistrieħ fis-Salini. Iżda Nicholas Barbara, il-Conservation Manager ta’ Birdlife Malta spjega li b’sit aktar sikur, dawn il-fjammingi jistgħu jibdew jagħmlu waqfiet itwal minn kemm jagħmlullum.
Is-sit tas-Salini f’Burmarrad hu protett bħala parti min-netwerk Natura 2000 u hu klassifikat ukoll bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni minħabba l-flora u l-fawna endemiċi li wieħed isib f’dan il-post. L-għadajjar tal-melħ (salt pans) fis-Salini nbnew mill-Kavallieri ta’ San Ġwann fis-Seklu Sittax, u s-sit ġie rijabilitat bl-għajnuna ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, f’proġett li kien inbeda minn Gvern Nazzjonalista.
//= $special ?>