Qawwiet leali għall-Gvern tal-Libja li hu appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti daħlu f’zona kruċjali oħra bħala parti mill-battalja biex jilliberaw il-belt Libjana ta’ Sirte mit-terroristi tal-ISIS. It-tragward intlaħaq wara ġlied kbir fejn mietu diversi truppi tal-Gvern Libjan.
Wara sitt xhur ta’ kumbattimenti fl-inħawi, il-qawwiet Libjani alleati mal-Gvern fi Tripli – li huma wkoll appoġġjati mill-qawwiet tal-ajru Amerikani – qegħdin jidhru qrib li jkeċċu l-aħħar elementi tal-ISIS minn Sirte, li ftit tas-snin ilu kienet sinonima mal-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi.
L-aħħar rapporti, sadanittant, irreferew għal battalji ħorox ġodda bejn it-truppi Libjani ( li fil-parti kbira ġejjin mill-belt ta’ Misrata) u t-terroristi fiz-zona ta’ Ghiza Bahriya. Intużaw ukoll it-tankijiet u l-ajruplani tal-gwerra għall-offensiva fuq l-ISIS u li għenu biex it-truppi jieħdu lura l-kontroll ta’ xi residenzi fl-inħawi.
Qed jingħad li nqatlu talanqas 14 il-truppi tal-Gvern Libjan, b’oħrajn jisfaw midruba fil-battalji mal-ISIS. Iżda t-tragward tal-Gvern, issa, qed jidher viċin u t-telfa ta’ Sirte għandha titqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira oħra għall-ISIS, li spiċċa wkoll taħt pressjoni fl-artijiet tas-Sirja u l-Iraq li huma kontrollati mit-terroristi tiegħu.
L-ISIS kien ħataf Sirte sena ilu, bil-militanti tiegħu japprofittaw mill-kaos fil-Libja li segwa l-waqgħa tar-reġim ta’ Muammar Gaddafi. Sadanittant, il-Gvern Libjan fi Tripli li jgawdi l-appoġġ tan-NU qed isibha diffiċli biex jestendi l-influwenza tiegħu fuq il-brigati ta’ eksribelli anti-Gaddafi li qed jikkontrollaw diversi bnadi tal-Libja.
//= $special ?>