Il-Mosta Scout Group din is-sena qed jiċċelebra l-100 sena mit-twaqqif tiegħu u s-Sibt li għadda filgħodu fil-Pjazza tal-Mosta kienu organizzati diversi attivitajiet li fihom ħadu sehem ukoll l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anglu Farrugia u s-Sindku tal-Mosta, Edwin Vassallo.
Fil-bini tal-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali sar kollegament permezz tar-radju u tal-Internet ma’ Scouts oħra madwar id-dinja bħala parti mill-Jamboree on the Air li qed issir fi tmiem din il-ġimgħa.
Fil-parkeġġ tal-pjazza tal-Mosta saru attivitajiet bħal climbing wall, zip line, pioneering project u abseiling li fih ipparteċipaw l-iscouts. Filgħaxija sar talent show mill-iscouts.
L-Ispeaker Anglu Farrugia qal li hu kburi li kien membru tal-Mosta Scout Group li hu l-ikbar Scout Group f’Malta. Hu qal li l-iscouting jgħin biex it-tfal u ż-żgħażagħ jikbru fil-karattru, fil-għaqal, fl-onestà u s-serjetà. Hu qal li l-Parlament u l-Kunsill Lokali – li dejjem appoġġja l-ħidma tal-Mosta Scout Group – ingħaqdu biex juru l-apprezzament tagħhom għall-ħidma li jwettaq il-grupp. Għalhekk kienu qed jippreżentaw plattin tal-fidda lil Group li normalment ikun ippreżentat lil dinjitarji li jiġu f’pajjiżna.
Is-Sindku Edwin Vassallo qal li l-Kunsill Lokali dejjem ikkollabora u qed jgħin lill-Mosta Scouts Group u rringrazzjahom għall-ħidma li wettqu fost it-tfal u ż-żgħażagħ sa mit-twaqqif tagħhom 100 sena ilu. Hu qal li l-iscouting hi esperjenza sabiħa ta’ volontarjat u kien għalhekk li l-Kunsill għadda l-Batterija f’Targa Gap biex titmexxa mill-iscouts.
In-Nazzjon ħa l-kummenti ta’ Edward Vella, il-Group Scout Leader tal-Mosta Scout Group qal li matul il-100 sena li ilu mwaqqf il-Group, ħafna tfal u żgħażagħ gawdew mill-esperjenza sabiħa li joffri l-iscouting u permezz tal-volontarjat huma jsaħħu l-karattru tat-tfal u taż-żgħażagħ permezz tat-tagħlim u l-attivitajiet biex jikbru bħala ċittadini tajbin. Hu anke faħħar il-parteċipazzjoni tal-Ispeaker Anglu Farrugia u tas-Sindku tal-Mosta Edwin Vallallo fiċ-ċelebrazzjonijiet u qal li hu unur għal Mosta Scout Group li l-awtoritajiet tal-pajjiż qegħdin japprezzaw il-ġid li jsir mat-tfal u maż-żgħażagħ. Hu qal li dan l-appoġġ iħeġġiġhom ikomplu jaħdmu favur l-aħjar ġid lill-komunità.
Sadattant bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-100 sena mit-twaqqif taql-Mosta Scout Group, ġimgħatejn ilu saret parata bis-sehem tal-Group Scouts mid-Distrett tan-Naħa ta’ Fuq ta’ Malta u nkixfet irħama komemorattiva.
Il-Mosta Scout Group għandu madwar 200 membru maqsuma f’sezzjonijiet differenti minn Beavers, Cubs, Scouts, Ventures u Rovers kif ukoll il-Kumitat tal-Leaders.
Edward Vella qal li l-maratona annwali ta’ 34 siegħa abseiling b’risq xi istituzzjoni tal-karità li jorganizza l-Mosta Ascout Group se ssir fid-19 u fl-20 ta’ Novembru fuq il-Pont ta’ Wied il-Għasel fil-Mosta.
//= $special ?>