Id-delegati ta’ aktar minn 150 pajjiż li ltaqgħu fir-Rwanda, illum, waslu għal ftehim storiku dwar proċess li, gradwalment, jelimina tip ta’ gassijiet greenhouse li qegħdin jixprunaw il-fenomenu tal-global warming, b’detriment għad-dinja.
Il-gassijiet — hydroflurocarbons magħrufa bħala HFCs – fil-preżent qed jintużaw l-aktar fil-fridges, fis-sistemi tal-air conditioning, kif ukoll fil-laned tal-ispray; bir-riżultat li dawn qegħdin iservu ta’ ħsara enormi għall-klima.
Id-delegati preżenti f’Kigali, sadanittant, aċċettaw emenda għall-Protokoll ta’ Montreal li tesiġi biex il-pajjiżi sinjuri jnaqqsu l-użu tal-HFCs sa mill-2019. Iżda filwaqt li l-ftehim intlaħaq b’sodisfazzjon minn diversi setturi kien hemm ukoll il-kritiċi li qalu li kompromess bħal dan jista’ jħalli anqas impatt milli mistenni.
Madankollu, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, John Kerry, li għen iwassal għall-ftehim wara sensiela ta’ laqgħat fil-kapitali tar-Rwanda, tenna li l-konklużjoni tat-taħditiet ‘għandha titqies bħala trijonf partikulari għad-dinja’.
Kerry tenna li l-ftehim ta’ Kigali hu ‘pass monumentali ‘il quddiem’ fil-ġlieda kontra l-global warming u li jindirizza l-ħteġiet ta’ pajjiżi individwali. ‘Dan minbarra li jipprovdi l-opportunità biex il-livell tas-sħana għall-pjaneta tagħna jonqos b’nofs ċentigrad’.
Il-ftehim, jekk implimentat bis-sħiħ, għandu jagħmel differenza kbira fil-kwistjoni tal-global warming, meta l-HFCs qed jimponu theddida immedjata għal klima sikura.
//= $special ?>