Internazzjonali

In-nisa kontra Trump….Il-kandidat Repubblikan jiffaċċja akkużi ġodda

Il-kandidat Donald Trump, li x-xahar id-dieħel jikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti f’isem il-Partit Repubblikan, qed jiċħad akkużi ġodda dwar abbuz sesswali fil-konfront tan-nisa u qal li dawn l-akkużi huma parti minn kumplott biex jagħmlulu l-ħsara qabel l-elezzjoni.

Trump, li matul il-lejl tal-Ġimgħa, indirizza rally għar-Repubblikani f’North Carolina, qal li mhux diffiċli li joħorġu l-individwi li huma lesti biex jaqilgħu qlajjiet bl-iskop li jċappsu lil persuna oħra. Madankollu, l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni urew li Trump kompla jitlef mill-appoġġ popolari f’numru ta’ Stati Amerikani meqjusa kruċjali għall-elezzjoni.

L-akkużi ġodda kontra Trump tressqu minn żewġ nisa b’konnessjoni ma’ xi każi li seħħew snin ilu. Dawn huma l-aħħar f’sensiela ta’ akkużi dwar il-komportament ħażin ta’ Trump fil-konfront tan-nisa, iżda l-kandidat Repubblikan qed jinsisti li l-akkużi huma foloz u li, fost oħrajn, għandhom skop politiku warajhom.

Fl-aħħar sigħat, tkellem ukoll il-President tal-Istati Uniti Barack Obama li, waqt avveniment tal-Partit Demokratiku li kien organizzat fi Cleveland, f’Ohio, wissa li Stati Uniti mmexxija minn Donald Trump tispiċċa theddida għad-demokrazija, u fejn l-Amerikani jaraw tmien snin ta’ progress jisfumaw fix-xejn.

Obama tenna wkoll li l-vot tax-xahar id-dieħel għall-Presidenza se jkun wieħed li jiddeċiedi l-futur tad-demokrazija.