Internazzjonali

Boris Johnson stinka għall-Brexit meta kien jaħsibha mod ieħor

Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson, kien kiteb, f’artiklu li baqa’ mhux pubblikat, li l-isħubija kontinwa tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea kellha tkun ‘għall-benefiċċju tad-dinja u l-Ewropa’.

L-aħbar titqies bħala sorprendenti, mhux lanqas meta Johnson kien protagonista fil-kampanja biex ir-Renju Unit ma tiffurmax aktar parti mill-UE, u kif fil-fatt seħħ fir-realtà skont il-vot fir-referendum storiku ta’ Ġunju li ddeċieda d-destin tar-Renju Unit.

Qed jingħad li Johnson kiteb l-artiklu ‘li ma ħareġ qatt fil-pubbliku’ fi Frar li għadda, flimkien ma’ artiklu ieħor ‘favur il-Brexit’ li kien ippubblikat fil-gazzetta The Telegraph.

Intant, is-Sunday Times ta’ Londra ppubblikat l-artiklu ‘favur it-tkomplija tar-Renju Unit Unit fil-UE’ u li, skont hi, kienet inkitbet minn Boris Johnson biex jiċċara ħsibijietu.

Fl-artiklu mhux ippubblikat, Johson wissa li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE ‘iwassal għal theżżiż ekonomiku, indipendenza għall-Iskozja u aggressjoni mir-Russja’ Hu kien ammetta qabel  li kiteb l-artiklu partikulari, iżda l-kontenut baqa’ mhux żvelat qabel issa.

Skont is-Sunday Times ta’ Londra, Johnson, l-ewwel, kien kiteb artiklu favur l-argument li ‘r-Renju Unit ikun aħjar barra l-UE’, imbagħad kiteb l-artiklu dwar il-benefiċċji tas-sħubija għall-Britanniċi bħala ‘mod kif jikkjarifika l-ħsieb tiegħu’. Hu, wara, kien ikkompona ‘artiklu finali’ għall-pubblikazzjoni, fejn il-messaġġ kien favur il-Brexit.

Illum hu anki magħruf li Boris Johnson, fil-fatt, kien favur li r-Renju Unit jibqa’ membru tas-suq komuni tal-UE, iż-żona għall-kummerċ ħieles. Dan meta s-Segretarju Britanniku, proprju ftit tal-jiem ilu, insista li r-Renju Unit ‘jista’ jikseb ftehim kummerċjali b’valur akbar għall-ekonomija (Britannika) mill-aċċess għas-suq komuni.’