“Sakemm ikun hemm riskju, żgħir kemm hu żgħir, Gvern Nazzjonalista huwa impenjat li t-tanker tal-gass jinħareġ ‘il barra mill-bajja ta’ Marsaxlokk.”
Dan kien wieħed mill-impenji tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qed jindirizza attività politika f’Marsaxlokk, fl-istess raħal fejn għandu jidħol it-tanker tal-gass.
Quddiem folla kbira, Simon Busuttil elenka impenn ieħor ta’ Gvern Nazzjonalista – dak li jixtri l-elettriku mill-irħas sors, kuntrarju għal Gvern Laburista li ntrabat li jixtri l-elettriku mill-Electrogas għal 18-il sena sħaħ bi prezz fiss.
It-tielet impenn ta’ Gvern Nazzjonalista hu li Gvern ġdid Nazzjonalista jibqa’ għaddej bit-talba tiegħu għal fondi tal-Unjoni Ewropea biex jinbena pipeline tal-gass li ma jkun theddida għal ħadd.
Il-kwistjoni tas-sigurtà kienet fil-qofol tad-diskors ta’ Simon Busuttil, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jistaqsi għalfejn il-Gvern ta’ Joseph Muscat għadu qed jinsisti li jibqa’ jaħbi r-rapporti dwar is-sigurtà tat-tanker. Huwa fakkar fid-dikjarazzjoni ta’ Joseph Muscat li fl-iskandlu tal-Cafà Premier kien inkwieta fuq sempliċiment ċilindru tal-gass.
Waqt l-attività politika tkellmet ix-Shadow Minister responsabbli mill-enerġija u l-ambjent Marthese Portelli u l-President tal-Kumitat Eżekuttiv Ann Fenech, li hi avukat li tispeċjalizza fil-qasam marittimu.
//= $special ?>