Lokali

Ħaddiem iweġġa’ wara li ċċedi lifeboat imdendla ma’ bastiment

Raġel li kien f’dgħajsa tas-salvataġġ imdendla mal-ġenb ta’ bastiment weġġa’ meta d-dgħajsa ċediet u waqgħet fil-baħar.

Il-Pulizija ġew infurmati bl-inċident għall-ħabta tad-9.15 ta’ filgħodu. L-inċident seħħ fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Kalafrana limiti ta’ Birżebbuġa.

Ir-raġel ta’ 56 sena mil-Litwanja kien qed jagħmel xi xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq id-dgħajsa tas-salvataġġ f’vapur, meta għal xi raġuni din ċediet u waqgħet bih fil-baħar.

Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna fuq il-post iżda aktar tard ittieħed l-isptar b’ambulanza sabiex jingħata aktar kura, fejn hemmek kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi. Skont rapporti fil-media, ir-raġel weġġa’ f’rasu.

Fuq il-post issejjħu wkoll membri tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu. Intant, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin.