Lokali

Il-ħlas lill-Aġenzija Żvediża qed isir skont il-pjan

Kuntrarjament għal dak allegat fil-gazzetti Maltatoday u Kulħadd tal-lum, il-ħlas minn Falcon Fund SICAV lill-Aġenzija Żvediża tal-Pensjonijiet qed isir skont il-pjan. Qal dan id-Deputat Tonio Fenech fi stqarrija biex fiha jispjega dak li ma ġiex spjegat fil-gazzetti ‘Maltatoday’ u ‘Kulħadd’.

Fil-fatt, kompla jispjega Tonio Fenech, filwaqt li din il-ġimgħa diġà tħallset is-somma ta’ €80 miljun, sa tmiem il-ġimgħa d-dieħla se jkunu tħallsu €80 miljun oħra, u se jibqa’ jagħmel dan sakemm jinbiegħu l-assi kollha. Dan ifisser li l-Fond in kwistjoni għandu l-abbilità li jonora l-obbligi tiegħu lejn l-investituri.

Fid-dawl tal-fatt li ma ntalbitx spjegazzjoni qabel ġew ippubblikati l-istejjer, il-fatti qed jiġu spjegati f’din l-istqarrija, ikompli jgħid id-Deputat Tonio Fenech. Hu spjega li l-Fond għandu kawża pendenti fil-Qorti Ċivili ta’ Stokkolma li l-ewwel seduta tagħha se ssir f’Diċembru li ġej. Il-Fond fetaħ ukoll kawża quddiem l-Ombudsman Parlamentari ta’ Stokkolma, liema kawża wkoll tinsab pendenti.

Il-Qorti Amministrattiva qatt ma tat deċiżjonijiet dwar dan il-każ, iżda nsistiet li dan il-każ jinstema’ quddiem il-Qorti Ċivili. Dan ifisser li mhux veru li kien hemm xi kawża li ntilfet, kif allegat fil-gazzetti msemmija.

L-investimenti u l-flus li għandhom ma ġewx mibjugħa jinsabu fil-Bank of Valletta li hu l-Custody Bank, biex jingħata l-massimu ta’ serħan il-moħħ lill-investituri. L-investimenti saru minn Temple Asset Management – entità liċenzjata fdata b’din ir-responsabbiltà u mhux mill-bord li jien membru tiegħu.

Kull min hu involut f’dan il-Fond lest li jikkopera ma’ kull min qed jagħmel l-investigazzjoni, ittemm tgħid l-istqarrija.