Internazzjonali

IL-JEMEN: Setgħu sparaw mill-ġdid fuq bastimenti tal-Amerikani

 

Uffiċjali tal-Istati Uniti qalu li setgħu kienu sparati aktar missili lejn il-bastimenti tal-gwerra Amerikani minn reġjun tal-Jemen ikkontrollat mir-ribelli Houthi.

L-Ammirall Amerikan, John Richardson, sostna li d-destroyer ‘USS Mason’ deher ‘li kien spiċċa taħt attakk’ iżda l-vapur ma ntlaqat mill-ebda missila.

Intant, xi uffiċjali Amerikani, wara r-rapporti inizjali, irtiraw mill-pożizzjoni oriġinali dwar jekk seħħx attakk ġdid jew le. Huma qalu li qed jinvestigaw dik il-possibbiltà u naqsu milli jagħtu d-dettalji.

F’każ ta’ konferma, dan għandu jkun it-tielet każ f’ġimgħa, fejn il-USS Mason u bastimenti tal-gwerra oħra Amerikani fir-reġjun ikunu spiċċaw mira ta’ aggressjoni. Dan fost it-tensjoni akuta bejn l-Istati Uniti u r-ribelli Houthi fil-Jemen li huma appoġġjati mill-Iran.