Il-militar tal-Istati Uniti qal li l-Korea ta’ Fuq, fil-lejl tas-Sibt u l-Ħadd, wettqet prova ta’ missila ballistika li, madankollu, ma rnexxietx fl-iskop tagħha. Intant, ir-reġim komunista Korean fi Pyongyang baqa’ ma rreaġixxiex għal din l-aħbar.
Il-missila, tat-tip Musudan, li qed jingħad li kienet ippruvata mill-Korea ta’ Fuq, kapaċi twassal fuq distanza ta’ 4,000 kilometru, li hu biżżejjed biex tilħaq miri fil-Korea t’Isfel, il-Ġappun u t-territorju Amerikan ta’ Guam.
Il-Pentagon ta’ Washington ħareġ stqarrija li l-aħħar prova mill-Koreani komunisti seħħet qrib il-belt ta’ Kusong, fil-Majjistral tal-Korea ta’ Fuq. Madankollu, il-Kmandant tan-Navy Amerikana, Gary Ross, qal li l-prova inkwistjoni ma kinetx ta’ theddida għall-Amerika ta’ Fuq.
Il-Korea t’Isfel ukoll ikkonfermat ‘din il-prova falluta’ mill-Korea ta’ Fuq filwaqt li kkundannat bl-aħrax l-aġir provokattiv tal-ġar komunista.
//= $special ?>