Ribelli appoġġjati mit-Turkija ħatfu kontroll ta’ belt simbolika importanti lill-ISIS, wara li t-terroristi tal-grupp irtiraw mill-inħawi fi tmiem il-ġimgħa. Dan qaluh numru ta’ kmandanti tar-ribelli u osservaturi li kienu qed jirrappurtaw miz-zona speċifika.
Il-belt ta’ Dabiq, fit-Tramuntana tas-Sirja, hi ta’ valur kbir għall-ISIS peress li tinkwadra bi prominenza fil-propaganda tal-grupp terroristiku. L-ISIS qed jużaw il-mezzi tal-propaganda biex imexxu l-profezija tagħhom li l-inħawi ta’ Dabiq, ‘il quddiem, se jservu bħala ‘is-sit għal battalja finali apokaliptika bejn il-Musulmani u l-Kristjani.’
L-avvanz fuq Dabiq, sadanittant, kien parti minn offensiva akbar mill-gruppi tar-ribelli Sirjani fuq it-terroristi fis-Sirja, b’dawn ir-ribelli anki jieħdu kontroll tal-villaġġ ta’ Soran, fil-viċinanzi ta’ Dabiq.
It-tħejjijiet għall-battalja għal Dabiq kienu ilhom għaddejjin ix-xhur, bir-ribelli – li kellhom l-appoġġ ta’ ajruplani tal-gwerra Torok – jaħtfu villaġġ wara l-ieħor lill-ISIS. Jidher ukoll li l-ISIS f’Dabiq ‘ċedew malajr’, wara li, nhar is-Sibt, kienet tħabbret offensiva finali u deċiżiva fuq dik il-belt Sirjana.
//= $special ?>